Awdjo: L-Assoċjazzjoni tal-NGOs Għawdxin tikser l-istatut

Fi żmien tliet xhur se ssir Laqgħa Ġenerali Straordinarja tal-Assoċjazzjoni tal-Għaqdiet Mhux Governattivi f’Għawdex.
Waqt il-programm Baħar Jaqsam fuq RTK, Antoine Vassallo, għalliem irtirat li għadu impenjat sew fil-volontarjat, qal li dan se jsir wara li għaddiet b’mod unanimu l-mozzjoni straordinarja li ġiet ippreżentata bħal-lum Ġimgħa waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali (AGM).
Vassallo qal li l-mozzjoni saret minħabba li l-membri tal-Assoċjazzjoni ma kinux jafu kif inħatar il-bord elettorali.  Dan wassal biex dawk kollha li ġew innominati jiffurmaw kunsill ġdid, bl-inkarigu li jsejħu Laqgħa Ġenerali Straordinarja sa Marzu.
Esprima r-rabja tiegħu u ta’ membri oħra minħabba li skont il-minuti tal-Laqgħa Ġenerali Annwali tas-sena li għaddiet, ġiet irrifjutata l-proposta tal-Kunsill li jinħatar bord elettorali għall-elezzjoni li jmiss.
Antoine Vassallo saħaq li din kienet materja serja ħafna għax il-Kunsill ma jistax imur kontra x-xewqa tal-AGM.
Barra minn hekk semma kif fl-2015, il-Kunsill kiser l-istatut għax m’għamilx l-ammont ta’ laqgħat li kellu jagħmel.
Spjega li fil-Laqgħa Ġenerali Straordinarja li ġejja għandu jiġi ppreżentat statut aġġornat mingħajr ineżattezzi u li ma jiżgwidax lill-Bord elettorali.
Esprima t-tama li fil-ġimgħat li ġejjin, il-membri tal-kunsill jagħmlu sforz ġenwin, biex l-istatut ikun ċar mingħajr ambigwità. Semma li meta nbidel l-istatut fl-2014, ma ngħatatx attenzjoni biżżejjed.
Vassallo spjega wkoll li diversi NGOs Għawdxin li nnominaw jew issekondaw kandidati għall-Kunsill tal-NGOs f’Għawdex, irrifjutaw u ma weġbux għat-talba li għamlilhom il-Bord, li biex jinnominaw lil kandidat, iridu jippreżentaw dokumentazzjoni ġuramentata.
Saħaq li dan seħħ meta fl-istatut preżenti m’hemmx kundizzjoni, li torbot lil NGOs b’piżijiet żejda, spejjeż u ħin limitat.
Dan wassal biex għaxra min-nomini kienu invalidi.