Awdjo: L-Arċisqof Pawlu Cremona jikkritika lil dawk li ma jħallux lill-Knisja titkellem

Fi kliem l-Arċisqof Pawlu Cremona, il-Knisja qatt ma trid timponi  l-opinjoni tagħha imma trid li bħal kulħadd, ikollha ċans titkellem.

Waqt il-programm Bir-Rispett Kollu fuq RTK, bi kliem iebes, Mons. Cremona qal li hu inġust li nisrani ma jitħalliex jesprimi ruħu abbażi tal-isfond u l-opinjoni tiegħu.
Qal li fil-preżent “mhawnx demokrazija għax kif titkellem il-Knisja mill-ewwel ngħidu li trid timponi.”

Mistoqsi dwar l-isfidi li kellu tul is-seba’ snin bħala Arċisqof, fosthom id-divorzju, l-unjoni ċivili u l-adozzjoni tat-tfal minn koppji omosesswali, Mons. Cremona sostna li l-Knisja ma tistax tbiddel it-tagħlim tagħha sempliċiment għax qed tinbidel is-soċjetà għax it-tagħlim ta’ Kristu hu ‘l fuq minn kull kultura.

Fakkar li mietu ħafna nies għat-tagħlim tal-Knisja u staqsa għaliex dan it-tagħlim għandu jinbidel illum.  Saħaq li jekk Alla ried ibiddel it-tagħlim tiegħu, kien jagħmlu snin ilu biex anke jakkomoda lin-nies ta’ dak iż-żmien, u mhux tal-lum biss.

Għalhekk enfasizza li minkejja l-kultura dejjem qed tinbidel, in-nisrani ma jistax ibiddel it-tagħlim ta’ Ġesù Kristu.