Awdjo: L-Arċisqof joffri post ta’ talb lill-komunità Etjopjana u Eritrejana

L-Arċisqof Charles Scicluna dalgħodu ħabbar li se joffri l-kappella tal-Madonna tal-Lourdes fil-Furjana, biex il-komunità Nisranija Etjopjana u dik tal-Eritreja, jkollhom post fejn jinġabru biex jitolbu.
Waqt Quddiesa fil-Kappella tal-Bon Pastur, f’Ħal Balzan, fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Migranti u r-Refugjati, l-Arċisqof qal li se jkun qed jafda din il-parroċċa personali, f’idejn il-Komunità tal-Patrijiet Franġiskani Kappuċini li għandhom kunvent biswit il-kappella.
L-Arċisqof irringrazja wkoll lill-Kummissjoni Emigranti tal-Knisja f’Malta għall-ħidma li twettaq mal-immigranti u r-refuġjati u li anke kienet parti minn din l-inizjattiva biex l-Insara Etjopjani u Eritrej ikollhom fejn jitolbu.
“Dan huwa sinjal li dawn ħutna huma parti mill-Knisja f’Malta,” qal l-Arċisqof. “Intom fil-Knisja f’Malta ġġibu rigali u doni speċjali.”
Waqt l-omelija Monsinjur Charles Scicluna qal li meta persuna barranija tixref fuq art, il-popli għandhom jarawha l-ewwel u qabel kollox bħala persuna u mhux kemm għandha flus jew kuntatti politiċi utli.
L-Arċisqof kompla jgħid li r-rakkont tat-tieġ ta’ Kana, għandu jgħallem lill-Insara biex jagħrfu li qatt mhu se jonqoshom il-ġid meta jaqsmu ma’ ħaddieħor.
Iżda saħaq ukoll li l-immigranti għandhom jirrispettaw l-akkwisti li s-soċjetà tagħna għamlet, semma’ fost oħrajn id-drittijiet tal-mara u l-libertà reliġjuża.
“Min għadu ma skoprihomx, igawdihom magħna,” qal Monsinjur Scicluna.
Fl-aħħar nett awgura li l-Maltin li darba laqgħu lil San Pawl, nawfragu u ħabsi, biex jibqgħu jilqgħu lil kull min ifittex kenn f’artna.