Awdjo: L-Arċisqof jgħid li l-immigranti li qed imutu mhumiex tal-kartapesta

L-Arċisqof Charles Scicluna iddeskriva lill-immigranti rregolari li qed jitilfu ħajjithom fil-Mediterran bħala “l-kurċifiss modern”.
Saħaq li “kulħadd irid jifhem li dawn huma persuni umani u mhux tal-kartapesta”.
Waqt il-programm Newsbook fuq RTK, l-Arċisqof Charles Scicluna esprima r-reazzjoni tiegħu għall-publikazzjoni ta’ ritratti ta’ immigranti irregolari li dehru f’ġurnal lokali din il-ġimgħa.
Saħaq li ħadd ma jista’ jibqa’ passiv quddiem dawn it-traġedji umani u appella għal aktar koperazzjoni bejn il-pajjiżi tal-Ewropa ta’ Fuq u dawk tan-Nofsinhar fl-azzjoni li jieħdu biex jgħinu lill-immigranti.
L-Arċisqof Scicluna kompla jgħid li xi Maltin jużaw kliem iebes fil-konfronti tagħhom, anka ġieli frott il-paniku.
Kien hawnhekk li qal li ma jiħux pjaċir meta jisma’ b’aħbarijiet bħal dawk ta’ Musulmani li jitfgħu Insara minn fuq dgħajsa għal ġol-bahar.
Semma li bħal kulħadd, dawn huma bnedmin bid-difetti u l-preġji tagħhom fejn qal li dawn huma bnedmin umani u mhux tal-kartapesta.
Intervjena wkoll il-Ministru għall-Intern Carmelo Abela li sostna li xi pajjiżi Ewropej iridu jiċċaqalqu mill-pożizzjoni riġida tagħhom f’dan il-qasam.
Il-Ministru Abela temm jgħid li huwa ottimist li iktar pajjiżi qed jifhmu l-gravità tas-sitwazzjoni, iżda fl-istess ħin irid juri ċerta kawtela.
Ritratt: Photocity – Valletta