Awdjo: L-Arċisqof iqatta’ t-tielet anniversarju jgħin lin-nies li batew

L-Arċisqof Charles Scicluna qatta’ t-tielet anniversarju minn meta nħatar Arċisqof ta’ Malta, jgħin lin-nies li batew fiċ-Ċilì.
Ma’ Newsbook.com.mt, l-Arċisqof Scicluna ddeskriva l-jum tal-lum bħala ġurnata ta’ tbatija u diffikultà kbira.
Spjega li dan hekk kif dalgħodu sema’ ħafna sofferenzi ta’ vittmi ta’ abbuż sesswali fiċ-Ċilì. Fisser kif dawn il-mumenti jġibuk dahrek mal-ħajt u jġiegħluk tiltaqa’ mas-sofferenza u mal-pjagi ta’ Ġesù li għadhom inixxu d-demm.
Mons. Scicluna bħalissa jinsab fiċ-Ċilì fuq missjoni fdata lilu mill-Papa Franġisku, biex jinvestiga l-allegati abbużi sesswali. Il-missjoni tiegħu ġiet interrota għal ftit jiem minħabba intervent mediku fejn tneħħietlu l-marrara.
Filwaqt qal li jħossu aħjar, l-Arċisqof qal li kompla bix-xogħol tiegħu u nhar il-Ħamis filgħaxija jibda l-vjaġġ tiegħu lura lejn Malta.
Mons. Scicluna semma kif l-aħħar tliet snin kienu mżewqin b’diversi esperjenzi. Qal li ż-żmien għadda malajr u jħoss li f’ċertu affarijiet hemm bżonn iktar ħidma. Irringrazzja lil Alla tal-vokazzjoni li jkun ragħaj tal-poplu Malti.
Semma fost l-oħrajn iż-żjajjar pastorali fl-aħħar sena u nofs, fejn qed jagħmel ġranet sħaħ fl-istess ambjent u jsir jaf il-parroċċi mill-qrib.
L-Arċisqof Scicluna kellu kliem ta’ ringrazzjament għas-saċerdoti, u stqarr li mingħajrhom l-Isqof waħdu mhu ħadd u ma jagħmel xejn.  Irringrazzja wkoll lil-lajċi u liż-żgħażagħ li qed jitħajru jagħtu ħajjithom lil Ġesù.
Enfasizza li waħda mill-prijoritajiet tiegħu hi li l-Knisja ma titbiegħedx mill-isfidi kbar. Semma t-tama għaż-żgħażagħ li jkollhom dar fejn jgħixu bħala familja.
Irrimarka li sfida kbira għall-Knisja hi li twassal il-messaġġ ta’ Ġesù, “għax ħafna drabi nintilfu fid-dettall”.
Lill-poplu Malti u Għawdxi, l-Arċisqof jgħidlu li jixtieq iħaddan lil kull membru tal-Arċidjoċesi, waqt li wiegħed lil kulħadd li jagħti ħajtu.