Awdjo: L-apparat protettiv mhux biżżejjed għall-infermiera – MUMN

Waqt il-programm Newsbook fuq RTK, Paul Pace l-President tal-MUMN qal li l-apparat li wasal Malta mhuwiex biżżejjed biex jipproteġi lill-infermiera mill-Ebola.
Paul Pace qal li l-apparat protettiv beda dieħel Malta, iżda filwaqt li ma kienx hawn apparat simili tiegħu qabel, sostna li hemm aħjar minnu.
Kompla jgħid li hemm bżonn li t-tobba u l-infermiera li jaħdmu mal-pazjenti li għandhom din il-marda jkunu protetti b’apparat sofistikat.
Filwaqt li s-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Chris Fearne qal li Malta tinsab ippreparata għal kull eventwalità, Paul Pace żied jgħid li l-marda tal-Ebola qed tinbidel hekk kif tista’ tittieħed ukoll mill-arja.
‘Hemm bżonn ta’ ilbies protettiv li hu tajjeb għal kollox’ temm jgħid Paul Pace hekk kif il-marda għadha waħda relattivament ġdida u li hemm bżonn serħan tal-moħħ għall-impjegati fl-isptar.
Intant, l-MUMN bgħatet ittra dwar l-apparat protettiv, u li infermiera li ma setgħux jilbsu l-apparat fuq rashom għax ma ġiehomx sew, ġew mitluba biex jagħmlu t-tejp fuq wiċċhom.