Awdjo: L-anzjani tagħna vittma tar-regħba – l-Isqof Grech

Miguela Xuereb

Read in English.

L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech qal li hemm djar tal-anzjani fejn min qed imexxi qed iqanċaċ is-servizzi u għalhekk stqarr li “l-anzjani tagħna huma vittma tar-regħba”.

Mons. Grech kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet ta’ Fr Joe Borg waqt Newsbook Hour fuq l-istazzjon tar-radju 103. Il-preżentatur qara siltiet mill-Ittra Pastorali tal-Isqof għall-Santa Marija li fiha jitkellem dwar ir-relazzjonijiet u l-ferħ li jġibu magħhom:

il-ferħ ma jiddependix minn kemm nippossedu imma minn kemm jirnexxilna nibnu relazzjoni sinifikattiva ma’ xi ħadd li jħobbna.

Fil-programm, l-Isqof Grech jispjega li jeżisti ħafna ġid, imma minħabba r-regħba, il-ġid iwassal għal ħafna tbatija. Isemmi l-eżempju tad-djar tal-anzjani, fejn l-anzjani jintalbu ħafna flus, “imma min imexxi jqanqaċ is-servizzi”.

Filmat: “Il-pjaċir li toffri s-soċjetà ma jfissirx li hu ferħ”

“Fejn hu l-Kunsill tal-Istandards?”

L-Isqof Grech saħaq li min hu rgħib, ħalliel u korrott. Staqsa wkoll fejn hu l-Kunsill tal-Istandards minħabba li skontu, l-anzjani f’uħud mid-djar tal-anzjani mhux jgħixu b’mod dinjituż. Jgħid li “għandhom livell fejn hu ħafna baxx, li ma jixraqx lil bniedem” u jerġa’ jfakkar li dawn is-sitwazzjonijiet jeżistu anke fejn l-anzjani jkunu qed iħallsu l-flus.

“Ipparkjati fuq wheelchair”

Mons. Grech ikompli jispjega li l-anzjani qishom “depożitu jistennew il-mewt”. F’eżempju minnhom jispjega kif fl-10am l-anzjani jkunu kollha pparkjati ġo sala fuq wheelchair, quddiem skrin jistennew nofsinhar biex jieklu. Jistaqsi jekk dan hux servizz xieraq.  Jgħid ukoll kif anki l-kmamar li jgħixu fihom huma daqs cubicles li lanqas bniedem bilwieqfa ma jdur fihom.

“Moħqrija minabba l-wirt”

Mitlub jikkummenta dwar l-abbandun tal-anzjani, l-Isqof Grech jgħid li din hi sikkina b’żewġt ixfar. Jgħid kif hemm każijiet ta’ anzjani abbandunati mill-familji tagħhom u oħrajn ikkalzrati ġod-djar. Dwar it-tieni każ, l-Isqof jistqarr li l-qraba jaqtgħuhom mill-kumplament tal-familja u tas-soċjetà u bla aċċess ma’ min jikkomunikaw “minħabba l-misħut wirt”.

L-Isqof Grech jgħid li din hi moħqrija li ssir fuq il-bniedem li xi drabi anke ċċaħħad lill-anzjani mill-ħtiġijiet spiritwali tagħhom.

AQRA: Bżonn li nitkellmu b’serjetà dwar il-ħajja spiritwali u mhux l-ekonomija

Nuqqas ta’ pagi ġusti

Matul il-programm, l-Isqof Grech tkellem dwar dak li sejjaħħlu “skjavitu ġdid” speċjalment fejn jidħlu ħaddiema barranin. Jispjega d-diversi modi ta’ moħqrija li qed issir mill-imprendituri fosthom bil-paga minima u anki l-kundizzjonijiet tax-xogħol.

Jisħaq li din hi moħqrija għaliex issir biex l-imprenditur minflok €100 jagħmel €200. Qal li dawn il-ħaddiema tant ikunu f’sitwazzjonijiet ta’ bżonn li jaċċetaw dawn il-kundizzjonijiet inumani.

Huwa temm jgħid li l-akbar inkiwet tiegħu f’dawn il-każijiet huwa minħabba li l-isfruttament isir minn “nies li jiġu l-knisja”. Huwa għalhekk ammetta li każijiet bħal dawn jirrendu reliġjon li toħloq ir-rabja.

F’parti oħra tal-intervista ma’ Fr Joe Borg fuq 103, l-Isqof Grech stqarr li jweġġa’ jara lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Intern Taljan Matteo Salvini, bil-kuruna f’idejh.

Awdjo: “Inweġġa’ nara lil Salvini bil-kuruna f’idu” – L-Isqof Grech