Awdjo: L-Amministrattiv tal-PN jiltaqa’ għada jew it-Tnejn; l-ebda data għall-Eżekuttiv

Il-Membru Parlamentari u President tal-Kumitat Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista David Stellini qal li se ssir laqgħa tal-Kumitat Amministrattiv għada jew nhar it-Tnejn. Mill-banda l-oħra l-President tal-Kumitat Eżekuttiv tal-PN Mark Anthony Sammut qal ma’ Newsbook.com.mt li għad m’hemmx data ta’ meta se jiltaqa’ l-Eżekuttiv.

Fl-istess waqt għaddejja ħidma intensiva minn nies favur jew kritiċi tal-mexxej tal-PN Dr Adrian Delia biex jiġbru appoġġ għall-pożizzjoni tagħhom.

Delia f’listening mode – Stellini

L-MP David Stellini meta mistoqsi dwar l-eżitu tal-laqgħat li kellu mal-Kap tal-PN fl-aħħar jiem, qal li ma xtaqx jikkummenta dwar laqgħat privati. Huwa kompla jgħid ma’ Newsbook.com.mt li bħalissa Delia qiegħed “f’listening mode”. Żied jgħid li Delia qed jiltaqa’ ma’ ħafna nies, speċjalment dawk li għandhom il-mistoqsijiet. Iddeskriva lil Delia bħala “proattiv” u b’attitudni “tajba”. Il-President tal-Kumitat Amministrattiv ikkonferma li Dr Delia se jkun preżenti għal-laqgħa tal-Amministrattiv.

L-ebda data għal-laqgħa tal-Eżekuttiv – Sammut

Il-President tal-Kumitat Eżekuttiv tal-PN Mark Anthony Sammut qal ma’ Newsbook.com.mt li għad m’hemmx data ta’ meta se jiltaqa’ l-kumitat tiegħu. Madanakollu qal li bħalissa jinsab imsiefer. Sammut qal li ma kellux aktar kummenti pubbliċi x’jagħmel bħalissa u li diġà esprima l-opinjonijiet tiegħu ma’ Delia.

It-Tnejn li għadda, Mark Anthony Sammut qal li s-sitwazzjoni preżenti fil-partit tqanqal tħassib u ilu li talab lis-Segretarju Ġenerali tal-PN għal laqgħa. Anke David Stellini qal li hemm bżonn laqgħa urġenti.

Kull naħa tipprepara

Newsbook.com.mt ikkonferma b’sorsi diversi storja li dehret fil-faċċata ta’ The Malta Independent li fost il-membri parlamentari Nazzjonalisti li qed iddur petizzjoni b’talba li l-Kap tal-PN Adrian Delia jirreżenja ħalli jkollu ħin biżżejjed biex jittratta l-problemi li għandu bħalissa u li skont dawn l-MPs qed jaffettwaw ħażin lill-PN.

Membru Parlamentari li tkellem magħna qalilna li huma jridu li Delia jieħu deċiżjoni li tkun fl-interess tal-partit li “għalina jiġi l-ewwel”. Żied jgħid li b’Delia bhala Kap, il-Partit Nazzjonalista jkollu telfa kbira ħafna fl-elezzjonijiet ta’ Mejju.

Mill-banda l-oħra Jean Pierre Debono, li kien ċeda favur Delia s-siġġu parlamentari li rebaħ għall-ewwel darba, qed jorganizza l-appoġġ favur il-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Huwa qed jitlob lill-kumitati sezzjonali u lill-fergħat tal-PN biex joħorġu stqarrija ta’ appoġġ. Fost dawk li ddikjaraw pubblikament l-appoġġ tagħhom hemm il-Moviment Nisa PN, il-Kumitat Sezzjonali tas-Siġġiewi, u l-Kumitat Reġjonali għal Għawdex.