Awdjo: L-alka fil-bajja tal-Imġiebaħ se titneħħa l-ġimgħa d-dieħla

It-tindif mill-alka fil-bajja tal-Mġiebaħ se jsir il-ġimgħa d-dieħla.
Skont informazzjoni li għandu Newsbook.com.mt, id-Direttorat għat-Tindif se jkun qed ineħħi l-alka minn din il-bajja fit-12 t’Awwissu li ġej.
Ronald Deguara mill-istess direttorat qal li t-tindif f’din il-bajja f’Selmun ma jsirx bħal f’bajjiet oħrajn. Spjega li biex titneħħa l-alka f’din il-bajja, id-direttorat ikollu bżonn l-assistenza ta’ dgħajsa tal-Forzi Armati ta’ Malta.
Aktar kmieni llum, id-Direttorat tkellem mal-AFM biex jistabilixxu data meta jista’ isir dan it-tindif.
F’kummenti li ta lil Newsbook.com.mt, Deguara qal li ta’ kull sena d-Direttorat ineħħi l-alka fil-perjodu ta’ bejn April u Mejju.
Spjega li l-alka ma tistax titneħħa minn ġol baħar u għalhekk iridu jistennew il-mewġ biex itella’ l-alka fuq ix-xtajta.
Saħaq li anke jekk l-alka titla fuq il-bajjiet qabel il-perjodu ta’ April u Mejju, ma jagħmilx sens li l-alka tinġabar qabel għax bis-saħħa tagħha, ir-ramel ma jintilifx mar-riħ.
Mistoqsi dwar x’jiġri mill-alka li titneħħa, Ramon Deguara spjega li ftit minnha jintrema fil-waste serv filwaqt li l-bqija jingħataw għal bdiewa biex jużawh fl-għelieqi.