Awdjo: “L-agħar ħaġa li jista’ jagħmel il-PM bħalissa hija reshuffle”

Il-President tal-Kummissjoni għal-Liġijiet Franco Debono sostna ma’ Newsbook.com.mt li wara r-riżenja ta’ Michael Falzon, l-agħar ħaġa li jista’ jagħmel il-Prim Ministru bħalissa huwa li jerġa’ jagħmel reshuffle.
Franco Debono kien ferm kritiku ta’ dik li sejħilha “formula żbaljata” tal-Gvern u enfasizza li meta għandek riżenja kull sena u ħafna reshuffles fil-Kabinett, il-formula hija żbaljata.
Sostna li meta Manuel Mallia kien irriżenja minn Ministru wara l-każ tal-isparatura, kien stqarr li jekk kollox jibqa’ miexi fl-istess direzzjoni kien se jkun hemm każijiet oħra.
Fuq Facebook, Franco Debono kkummenta fil-profil tal-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern wara r-riżenja ta’ Michael Falzon u qal li wara l-każ ta’ Manuel Mallia, jekk l-affarijiet jibqgħu l-istess kien se jkun hemm każijiet oħra. Kiteb li “hekk ġara…. u issa naf min imiss!”
Dwar ir-riżenja ta’ Michael Falzon, Franco Debono qal li hu kien dejjem konsistenti, meta kien isostni li politiku jrid iġorr ir-responsabbilità politika.
Ma’ Newsbook.com.mt enfasizza li fl-aħħar elezzjoni, il-poplu vvota biex ikun hawn bidla fl-istil tal-politika u mhux biex jinbidlu l-uċuħ.
Qal li l-Partit Nazzjonalista kienu ilu 25 sena fil-Gvern u wara dan l-ammont ta’ żmien jikber is-sadid iżda l-Gvern Laburista ilu biss tliet snin.
Saħaq li ma jfissirx li għax qabel kien isir ħażin, “b’din l-iskuża tagħmel l-istess jew agħar” u meta tagħmel reshuffle tkun qed tammetti li żbaljajt għaliex kieku ma jkunx hemm il-ħtieġa li ssir bidla fil-Ministri.
Għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, Il-President tal-Kummissjoni għal-Liġijiet qal li m’għandux dubju li hawn Ministri li qed jinfluwenzaw lill-Prim Ministru u sostna li mhux tajjeb li fis-servejs ikollok kap ta’ partit li jkun aktar popolari mill-partit.
Franco Debono qal li fil-passat kien ħareġ għonqu bir-riformi li kien qed jipproponi u li ħafna minnhom daħlu fis-seħħ għaliex ried bidla għall-aħjar.