Awdjo: L-AD għadha qed tistenna li tiġi avviċinata mill-Gvern

Kważi tliet ġimgħat minn meta saret l-elezzjoni ġenerali, l-Alternattiva Demokratika għadha sa issa tistenna li tiġi avviċinata mill-Gvern il-ġdid biex b’xi mod tkun involuta f’din il-leġislatura.

Intervistat mill-ġurnalist Karl Wright waqt il-programm “Mill-kliem għall-fatti” fuq Radju RTK, il-kelliem tal-Alternattiva Mario Mallia qal li jittama li l-Gvern Laburista jwettaq id-diskors ta’ qabel l-elezzjoni, li Malta hi ta’ kulħadd u jinkludi wkoll nies li jimmilitaw fl-Alternattiva biex jagħtu kontribut fil-Gvern.

Mistoqsi dwar il-kumment tal-Ministru Evarist Bartolo, li għandha tiġi emendata l-Liġi Elettorali, Mario Mallia qal li jispera li l-Ministru jżomm kelmtu biex fil-pajjiż verament ikun hawn demokrazija.

Mallia qal li l-Alternattiva m’għandha l-ebda diffikultà li l-għażla tal-ispeaker issir barra l-Parlament. Tkellem ukoll dwar il-fatt li fil-kampanja elettorali la l-Partit Laburista u lanqas Nazzjonalista ma indirizzaw il-kwistjoni tal-immigrazzjoni irregolari għax beżgħu mill-elettorat. Qal li l-persuna umana tiġi l-ewwel u qabel kollox.

Minkejja li anke din id-darba l-Alternattiva ma rnexxiliex ittella’ siġġu fil-Parlament, Mario Mallia qal li l-Alternattiva se tibqa’ għaddejja. Irringrazzja l-elettorat talli l-appoġġ żied b’40%.