Awdjo: Kważi nofs in-nisa ma jagħmlux it-test tal-‘breast screening’

Bejn Ottubru 2009 u Lulju 2013, 27,000 mara għamlu t-test tal-breast screening bħala parti mill-Programm Nazzjonali tal-Breast Screening.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, Gertrude Abela minn Europa Donna qalet li 193 minn dawn instabilhom kanċer u b’hekk il-marda nqabdet fi stat bikri. Newsbook.com.mt jinsab infurmat li tnejn minn dawn kellhom kanċer fiż-żewġ naħat tas-sider. 

Madanakollu, 19,000 mara minn dawk mistiedna biex jagħmlu t-test, li jammontaw għal 41% ma dawk imsejħa, ma aċċettawx l-istedina.

Newsbook.com.mt huwa nfurmat li dawn jinkludu:

  • nisa barranin li ma baqgħux jgħixu Malta
  • oħrajn li ppreferew jagħmlu t-test fi sptar privat
  • u dawk li ma jinteressahomx li jagħmlu t-test.

Gertrude Abela ħabbret id-dettalji ta’ mixja li se ssir nhar il-Ħadd 13 ta’ Ottubru organizzata minn Europa Donna Malta flimkien mal-Oysho.

Matul il-Breast Health Day Walk, il-parteċipanti kollha se jkunu qed iġorru silhouettes ikkuluriti b’solidarjetà ma’ dawk kollha li bħalissa jistgħu jkunu għaddejjin minn din l-esperjenza.

Is-silhouette r-roża jirrappreżenta l-inċidenza tal-kanċer tas-sider, l-abjad għal dawk li mietu b’kanċer u l-blu għal dawk l-irġiel li wkoll jista’ jaqbadhom kanċer tas-sider.

Il-mixja tibda fid-9.30 am mill-Pjazza ta’ The Point u tispiċċa fi Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta.

Preżenti għall-konferenza kien hemm Annabelle Gauci minn Oysho u uffiċjal mill-Programm Nazzjonali tal-Breast Screening.