Awdjo: Kuntenta li binha sab l-għajnuna fl-MCAST

Kull omm tkun xi ftit eċitata meta t-tfal jibdew l-iskola, iżda għal Sarah Cachia l-ewwel ġurnata ta’ binha l-MCAST kienet importanti wkoll.
Ma' Newsbook.com.mt Sarah spjegat li binha Jacob għandu hemiplegia li hi dgħjufija fin-naħa tax-xellug ta’ ġismu.
Filwaqt li Jacob reġa’ beda jimxi, m’għandux l-użu ta’ idu x-xellugija u lanqas jara mill-għajn tax-xellug, li jfisser li meta jkun qed jimxi jaħseb li jkun se jaqa’.
Madanakollu, Jacob qed jaddatta għal din il-ħajja.
Ommu qalet li huwa diffiċli għaliha li tinfired minn miegħu, iżda ġaladarba tkun taf li għandu l-għajnuna, ikollha moħħha mistrih.  
Issa li Jacob beda kors tal-Business in Commerce fl-MCAST, Sarah qalet li sabet għajnuna kbira kemm mill-għalliema fl-iskola, kif ukoll mill-ħbieb tiegħu tal-klassi, li xi ftit minnhom inzertaw kienu miegħu fis-sekondarja wkoll.
Sarah qalet li wara li waslet lil Jacob l-iskola kienet ferħana li binha kien f’post sigur.
Ma’ Newsbook.com.mt Jacob qal li minkejja li s’issa kellu biss tlett ijiem skola, jinsab kuntent flimkien ma’ sħabu, u ma waqafx jitkellem dwar din l-esperjenza ġdida minn x’ħin telaq mill-iskola sakemm wasal id-dar.
Sarah irringrazzjat lill-MCAST mhux talli għenu lill-binha iżda talli jgħinu lil studenti oħra b’diżabilitajiet differenti.