Awdjo: Kull pajjiż membru għandu d-dritt li japplika deroga – FKNK

Il-Kap Eżekuttiv tal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti, Lino Farrugia kkonferma ma’ Newsbook.com.mt li deroga tista’ tiġi applikata minn kull pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea.
Farrugia qal dan għad-dikjarazzjoni li għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil meta f’konferenza tal-aħbarijiet qal li kien il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern li nnegozja deroga u għalhekk fir-referendum se jivvota favur din id-deroga. Ma’ Newsbook.com.mt, Lino Farrugia spjega kif l-użu tad-deroga huwa dritt ta’ kull pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea.
Dwar id-dikjarazzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni, Lino Farrugia qal iżda li “huwa fatt li meta kien hemm Gvern Nazzjonalista ġiet applikata d-deroga”. Fakkar kif taħt il-Gvern Laburista qed jerġa’ jsir użu mid-deroga wara li kien hemm żmien ta’ sentejn fejn id-deroga ma kinitx applikata minħabba li Malta kienet spiċċat quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.
Il-każ kien jikkonċerna l-kaċċa fir-rebbiegħa u l-Qorti Ewropea kienet iddeċidiet li għall-kaċċaturi Maltin m’hawnx alternattiva għall-kaċċa fir-rebbiegħa. Il-Kap Eżekuttiv tal-FKNK qal ukoll li Simon Busuttil kien parti mit-tim tan-negozjaturi biex Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea u biex ġiet applikata d-deroga sabiex issir kaċċa fir-rebbiegħa.
Lino Farrugia qed jinnota b’sodisfazzjoni li bħall-Prim Ministru, Simon Busuttil ukoll jaqbel li l-kaċċa fir-rebbiegħa għandha tibqa’ tiġi pprattikata. 
Għada waqt l-intervista tal-ġimgħa fuq Newsbook, il-ġurnalist Karl Wright se jintervista lill-membru tal-FKNK, Mark Bonello dwar il-pożizzjoni tal-FKNK dwar ir-referendum kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa.