Awdjo: “Kulħadd tellief fir-referendum tat-Turkija” – Professur tal-Università

Il-Professur tal-Akkademja Mediterranja għall-Istudji Diplomatiċi fl-Università  ta’ Malta Stephen Calleya qal li fir-referendum li sar fit-Turkija kulħadd safa tellief.
Fuq il-programm Follow-Up fuq RTK, Calleya qal li d-drittijiet tal-poplu Tork issa huma mhedda aktar minn qatt qabel,għax il-maġġoranza assoluta tad-deċiżjonijiet li jittieħdu fil-pajjiż se jkunu kollha f’idejn mexxej wieħed.
Prof. Calleya saħaq li b’din it-tip ta’ saħħa permezz tal-presidenza eżekuttiva, il-President Erdogan se jkollu monopolju sħiħ tal-poter.
Skont Calleya l-Unjoni Ewropea trid tlesti ruħha biex tinnegozja mal-President Erdogan għax it-Turkija hi parti importanti mill-Ewropa, b’saħħa ekonomika li ġeografikament hi ċ-ċavetta bejn il-Lvant Nofsani u l-Ewropa.
Żied jgħid li dan in-negozjar hu importanti, speċjalment fid-dawl tat-traffikar ta’ nies u droga li qed jiġi operat f’dan ir-reġjun tal-Mediterran.
Dwar il-Korea ta’ Fuq Calleya qal li dan il-pajjiż hu l-uniku stat totalitarju fid-dinja  b’mexxej li li qed jisfida lill-kumplament tad-dinja.
Calleya kkonkluda li Kim Jong Un qed jisfida aktar bil-kliem milli bil-fatti biex pajjiżu jilħaq kapaċità nukleari, iżda li xorta jista’ jwassal biex tittieħed azzjoni biex dan jitrażżan.