Awdjo: Koppja Maltija tagħżel il-volontarjat għall-qamar il-għasel

Wara t-tieġ, kull koppja tkun qed tistenna tmur għall-qamar il-għasel u tqatta' ftit ħin tal-mistrieħ.
Iżda mhux kull koppja tagħżel li tagħmel esperjenza ta’ volontarjat.

Newsbook.com.mt tkellem ma’ Renzo Kerr-Cumbo, li s-sena l-oħra kien il-Pakistan mal-għarusa tiegħu għall-esperjenza ta’ volontarjat.
Renzo semma li kien hemm persuna li fl-aħħar ġurnata kienet qaltilhom li tixtieq li terġa’ tarahom. Iżda n-nies rari jmorru lura l-Pakistan.
Fi triqithom lura lejn Malta, Renzo u Sarah ħasbu fuq dak li qalulhom, tant li ħadu d-deċiżjoni li jmorru lura.
Il-koppja issa ilhom miżżewġin xahar u nofs, u diġa’ marru għall-qamar il-għasel ta’ tliet ijiem, li fi kliem Renzo kien wieħed kummerċjali.
Kompla jgħid li l-qamar il-għasel proprja għadu ġej, fejn hu u martu se jinqatgħu fit-tul, għal xahar fil-Pakistan.
Meta mistoqsi dwar l-esperjenza ta’ volontarjat, Renzo qal li qatt ma sema’ b’koppji Maltin li għamlu bħalhom.
Temm jgħid li jinsab ċert li l-volontarjat huwa għal qalb in-nies, kemm fil-gżejjer Maltin kif ukoll barra mill-pajjiż. 

Ritratt: Jonathan Borg – Iż-Żiggli