Awdjo: “Kontinwament nisimgħu t-tfaqqiegħ tal-missilli fil-Libja”- Patri Marcello Ghirlando

“Wasalt Malta s-Sibt li għadda, iżda moħħi għadu Tripli.”
Dan qalu ma’ Newsbook.com.mt, Patri Marcello Ghirlando, Franġiskan Minuri, li kull sena jitla’ l-Libja biex jgħin lill-Knisja u l-Insara fiċ-ċentru ta’ Tripli.
Patri Marcello qal li għalkemm il-ġlied qed isir fin-nofsinhar ta’ Tripli, viċin l-ajruport, xorta waħda kontinwament kien jisma' l-isplużjonijiet tal-missili. Żied li kulħadd qed jgħix f'tensjoni kbira.
Qal ukoll li fit-toroq ta’ Tripli tibża toħroġ għax il-pulizija u l-armata sfaxxaw fi xejn u għalhekk żdiedet ħafna l-kriminaltà.
Kien hawn li Ghirlando spjega li għalkemm jinsab Malta, il-ħin kollu jaħseb f’dawk li ħalla warajh, fosthom l-Isqof li jgħin, il-Patrijiet l-oħra u l-ftit Insara li baqa’.
Spjega li anke l-komunità Nisranija sfaxxat. Qal li l-Insara fil-komunità tagħhom huma ħaddiema barranin li fl-aħħar jiem irritornaw lura lejn pajjiżhom. L-uniku ftit Insara li għadhom imorru huma dawk Afrikani.
Patri Marcello qal li l-ġlied qed jirriżulta minn konflitt għall-poter bejn il-moderati u l-Iżlamisti. Qal li din it-tensjoni kienet diġà teżisti f’Benghazi, fejn hemm l-Isqof Malti Silvestro Magro, iżda issa “faqqgħet f’gwerra fi Tripli.”