Awdjo: ​“Konrad Mizzi u Keith Schembri għandhom iħarrku lil Nexia BT”

L-opinjonisti Godfrey Grima u Frank Portelli sostnew li l-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri, għandhom iħarrku lil Nexia BT, jekk din ippruvat tiftaħ kontijiet bankarji f’Dubaj jew fil-Panama f’isimhom, minn wara daharhom.
Waqt il-programm Ma’ Bundy fuq RTK, Godfrey Grima sostna li jekk Konrad Mizzi u Keith Schembri m’għandhomx x’jaħbu, għandhom iħarrkuhom. Saħaq li jekk ma jħarrkuhomx, in-nuqqas ta’ kredibilità se taqa’ fuqhom.
X'kienet tgħid l-ittra ddokumentata fit-8 ta' Awwissu dwar il-kontijiet ta' Konrad Mizzi u Keith Schembri?
Min-naħa tiegħu Portelli kkwota ittra dokumentata, bid-data tat-8 ta’ Awwissu 2015, li ntbagħtet min-Nexia BT lill-Mossack Fonseca fil-Panama. Bħala parti mill-proċess biex jinfetħu kontijiet bankarji f’Dubaj, l-ittra titlob id-dokumentazzjoni sħiħa għal żewġ kumpaniji fil-Panama: Hearnville (tal-Ministru Mizzi) u Tillgate (ta’ Schembri). Kienet tgħid ukoll li ż-żewġ klijenti riedu jagħtu d-dokumenti meħtieġa biex jinfetħu l-kontijiet sat-28 ta’ Awwissu.
Kemm Frank Portelli kif ukoll Godfrey Grima jistaqsu x’kienu qed jistennew li jiġri bejn it-8 u t-28 ta’ Awwissu. Sostnew li dan iqanqal suspetti kbar.
"Il-kont ma nfetaħx mhux għax ma ridux, imma għax il-bank m'aċċettax"
Portelli spjega li din il-korrispondenza turi li l-kont ma nfetaħx mhux għax ma ridux jiftħuh, iżda għax il-bank m’aċċettax.
Saħaq li jekk il-Mossack Fonseca ma qalulhomx x’se jagħmlu, il-kumpanija m’għandhiex titħalla topera minn Malta.
Godfrey Grima spjega li Konrad Mizzi qallu li n-Nexia BT, li huma s-service provider tiegħu, għamel dan il-proċess, meta hu qatt ma talab li jkollu kont tal-bank f’Dubaj jew fil-Panama.
Filwaqt li qal li jassumi li l-Ministru mhux jigdiblu, Godfrey Grima jistaqsi jekk Nexia BT ridux jużaw dawk il-kontijiet bankarji għal ħaddieħor.
Saħaq li jekk il-Ministru qed jgħidlu l-verità, meta tawh il-karti biex jiffirma għall-ftuħ tal-kontijiet bankarji, Mizzi qalilhom li ma jridx kontijiet tal-bank.
"Mossack Fonseca ilha 40 sena maqbuda fil-korruzzjoni"
Frank Portelli żied jgħid kif saħanistra l-firmatarji tal-kumpaniji shell, bħalma huma ta’ Konrad Mizzi u ta’ Keith Schembri, jistgħu jkunu cleaners, ħalli ħadd ma jkun jaf ta’ min huma l-flus.
Min-naħa tiegħu Godfrey Grima semma kif Mossack Fonseca ilha 40 sena maqbuda bil-korruzzjoni, u mhux l-ewwel darba li ġiet investigata.