Awdjo: “Konna l-bandli bit-tfal u akkużawna li qed nimlew Malta bis-suwed”

Maria Borg Vella, mart il-ġurnalist Victor Vella li din il-ġimgħa safa mhedded b’ittra razzista, irrakkuntat li “darba konna l-bandli bit-tfal u akkużawna li qed nimlew Malta bis-suwed.”
Ma’ Newsbook.com.mt, Maria qalet li dan kien inċident iżolat li ġew mhedda barra fit-triq. Żiedet tgħid li t-theddid fuq il-mezzi soċjali jisboq dan il-kumment dispreġġjattiv wiċċ imb wiċċ, hekk kif it-theddid onlajn li kellu Victor kien bla għadd.
B'ton imbikkem spjegat li ilhom jirċievu theddid u kummenti ħorox għal dawn l-aħħar sentejn u nofs, minn kemm ilhom li ġabu t-tfal adottati Malta.
Sostniet li t-tendenza hi li wieħed jhedded fuq il-mezzi soċjali "għax jafu li ftit li xejn jista’ jsir fil-konfront tagħhom."  
“Kumment fuq il-mezzi soċjali għandu jittieħed b’serjetà daqslikieku ntqal fit-triq”
“Għalhekk nemmen li l-kummenti fuq il-mezzi soċjali għandhom jittieħdu bis-serjetà daqslikieku jintqalu barra fit-triq. La jafu li ma jista’ jsir xejn se jibqgħu jiktbu, jattakkaw u jagħmlu l-ħsara,” tenniet Maria.
“Jidher li l-Pulizija għandhom diffikultà biex jipproċessaw kummenti fuq il-mezzi soċjali”
Esprimiet it-tħassib tagħha li f’Malta għad m’hawnx biżżejjed liġijiet li jwasslu biex tittieħed azzjoni dwar kummenti fuq il-mezzi soċjali.
Spjegat kif mhux l-ewwel darba li kellmu lill-Pulizija fuq inċidenti simili, fejn irriżulta li jidher li għandhom idejhom marbutin u hu diffiċli li jieħdu passi fuq dawn il-każi.
Maria stqarret li ma jdejquhiex biss kummenti razzisti, imma anke dawk li jiddiskriminaw persuni fuq bażi oħra.
“Inkwetata li 'l quddiem it-tfal ibatu minħabba l-kulur tagħhom”
Maria qalet li t-tfal, li għandhom tliet snin u nofs, huma milqugħa ħafna r-Rabat fejn joqogħdu, kif ukoll aċċettati ħafna fl-ambjent edukattiv, kemm mit-tfal kif ukoll mill-għalliema.
Tenniet li hi tħares 'il quddiem b’fiduċja li uliedha jsibu posthom fis-soċjetà daqs kull Malti u Maltija oħra.  Sostniet li bl-edukazzjoni li nirċievu suppost m’għadniex poplu li nħarsu bl-ikrah lejn dawk b’ġilda ta’ kulur.
Dwar l-ittra razzista, Maria qalet li l-inkwiet tagħha hu bħal ta’ kull omm bi tfal ta' kulur, li ‘l quddiem uliedha jafu jbatu minħabba l-kulur tagħhom.
Maria saħqet li kull omm tixtieq li uliedha jiġu ġġudikati minn dak li jagħmlu u mhux mill-kulur tal-ġilda.