Awdjo: Kienu d-diriġenti ta’ Amici li ħeġġew lil Emma Muscat tieħu sehem

Il-maniġer ta’ Emma Muscat qal ma’ Newsbook.com.mt li kienu d-diriġenti tal-programm Amici stess, li meta semgħu żewġ kanzunetti oriġinali tal-kantanta żagħżugħa Maltija, ħeġġewha biex tieħu sehem fil-programm.
Keith Kiko Muscat kien qed jitkellem ma’ Newsbook.com.mt dwar l-aħbar li l-kantanta żagħżugħa rebħet sfida kontra kantanta oħra u ħaditilha postha fl-iskola ta’ Amici.
Bħalissa, Emma Muscat ma tistax tagħti intervisti lill-midja, għax hekk jitolbu r-regoli tal-programm.
Il-maniġer ta’ Emma spjega li dawn iż-żewġ kanzunetti partikolari kellhom suċċess enormi u fi ftit jiem kellhom iżjed minn miljun hit fuq il-midja soċjali u pjattaformi oħra.  
Kienu dawn iż-żewġ kanzunetti li waslu lil Emma sa fuq il-programm popolari fuq il-Canale 5.
Wara l-ewwel provi li kellha, Emma Muscat ma kinitx ġiet aċċettata fl-iskola iżda l-għalliema u anke d-diriġenti ta’ Amici qalulha li għad fadlilha ċ-ċans li tikkompeti fi sfida ma’ student jew studenta u hemm jiġi deċiż jekk tkunx parti mill-iskola jew le.
Keith Kiko Muscat spjega kif wara din l-ewwel prestazzjoni kienu ħafna dawk li kitbu fuq il-midja soċjali, mhux Maltin biss, li faħħru t-talent ta’ Emma Muscat u maqdru d-deċiżjoni tal-għalliema, tant li inqas minn tliet ġimgħat wara, reġgħet ġiet imsejħa biex tieħu sehem fl-isfida.
Din id-darba, Emma Muscat rebħet lill-studenta tal-iskola u ħaditilha postha.
Il-maniġer tagħha spjega kif ilu jsegwiha minn meta kellha erbatax-il sena u saħaq li dejjem jibqa’ impresjonat bit-talent tagħha, mhux biss vokali imma anke mużikali, għax apparti li tkanta, Emma Muscat iddoqq ukoll il-pjanu u tikteb il-mużika tagħha stess.
“L-artisti Maltin iridu jibdew jimpressjonaw lill-barranin”
Mistoqsi dwar it-talent lokali, Keith Kiko Muscat ħeġġeġ liż-żgħażagħ u lill-artisti kollha Maltin biex ma jiddejqux jaħsbu ‘il barra minn Malta.
Saħaq li hu dar postijiet u għandu ċerta esperjenza u ma’ Newsbook.com.mt stqarr b’kunfidenza li t-talent lokali huwa wieħed kbir.
Stqarr li bil-midja soċjali, il-kantanti, żeffiena u l-artisti kollha għandhom pjattaforma akbar minn kull palk u għandhom jisfruttawha.
“Trid tara kif se timpressjona barra minn Malta,” saħaq Keith Kiko Muscat, u fost dawn l-artisti li qed jaħsbu minn perspettiva differenti semma l-kantanta żagħżugħa Destiny.
Insista li x-xena lokali hija importanti imma l-artisti Maltin ma jistgħux jibqgħu jaħsbu f’konkorsi, bħall-Eurovision, bħala l-aħħar tarġa.
“Il-Eurovision huwa pjattaforma importanti imma hemm ħafna aktar wieħed x’jista’ jagħmel,” kompla jispjega Muscat.
Temm jisħaq li s-suċċess li qed jagħmlu Destiny, Emma u kantanti Maltin oħra huwa frott il-fatt li qed iħarsu minn perspettiva differenti.