Awdjo: “Kienet sena ta’ mistura għall-UE” – Peter Agius

Il-Kap tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta Dr Peter Agius, qal li l-2015 kienet sena ta’ mistura għall-Unjoni Ewropea, mistura morra imma li wieħed jittama li twassal għall-irkupru tal-pazjent.
Waqt il-programm Dinja Ewropa fuq RTK, Peter Agius sostna li kien hemm numru ta’ żviluppi u minkejja li l-Unjoni kienet reattiva u ppruvat issib is-soluzzjonijiet, għal iktar minn darba spiċċat inqabdet fuq sieq waħda.
Spjega kif fil-bidu tas-sena ġie elett il-Prim Ministru Grieg Alexis Tsipras u kif rajna l-kriżi Griega fl-aqwa tagħha.
Dan hekk kif il-Greċja kienet f’xifer l-irdum li titlaq miż-żona ewro meta kellha ssib soluzzjoni għad-dejn ta’ iktar minn €250 biljun li kellha mal-pajjiżi Ewropej, fosthom ma’ Malta.
F’din il-kriżi tpoġġew kundizzjonijiet ġodda u li jirrikjedu riformi kbar fil-Greċja.
It-tieni kapitlu wara dak ekonomiku, kienet il-kriżi tal-immigranti, li għadna qed nesperjenzaw sal-lum.
Il-Kap tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta spjega kif fil-kwistjoni tal-immigranti, l-Unjoni reġgħat inqabdet fuq sieq waħda.
Huwa tkellem dwar il-prinċipju ta’ tqassim tar-responsabbiltajiet skont it-Trattat ta’ Dublin, li jgħid li fejn l-immigrant jasal l-ewwel, dak il-pajjiż jieħu r-responsabbiltà tiegħu.
Issa dan il-prinċipju qed jitwarrab bi proposti ġoddali jitolbu li jiġu mqassma l-immigranti mill-Italja u l-Greċja mal-pajjiżi l-oħra.
Peter Agius semma’ kif l-Unjoni Ewropea tfieq jekk il-miżuri li jittieħdu jkunu effiċjenti u spjega kif din tħaddan is-sistema tal-istat tad-dritt.
Jaħseb li din il-mistura se taħdem għax il-pajjiżi membri tal-Unjoni qed jieħdu miżuri li jindirizzaw is-sitwazzjoni.