Awdjo: “Kienet battalja enormi…la tkun hemm trid tkompli għaddejja”

Tezara Eve Camilleri, waħda mis-17-il żagħżugħ u żagħżugħa li rnexxielhom jilħqu l-quċċata tal-muntanja Kilimanjaro fit-Tanżanija, tqis din l-esperjenza bħala "battalja enormi", speċjalment meta kellha quddiem għajnejha tmien sigħat biex titla’ l-muntanja u tlieta oħra biex tinżel. 
Ma' Newsbook.com.mt, Tezara qalet li din l-avventura kienet diffiċli iktar milli ħasbet u ma setgħetx temmen x'se tagħmel xħin rat il-muntanja quddiemha.
L-element tal-kesħa kien parti mill-isfida tagħha iżda minkejja kollox la “tkun hemm fuq trid tkompli għaddejja.”
Tezara 
kienet waħda mill-aħħar parteċipanti li f’Mejju ngħaqdet mal-kumplament tal-grupp li beda jitħarreġ minn Frar. Minkejja t-taħriġ intensiv li kien isir tliet darbiet fil-ġimgħa, li kien jinkludi nżul u tlajja', tenniet li ma kienx biżżejjed għal dak l-għoli, "imma b'sodisfazzjoni kbir irnexxielna nitilgħu l-muntanja xorta waħda.”
Il-Kilimanjaro saret bil-għan li jinbnew skola u kindergarten fl-Etijopja, kif ukoll ċentru ta' kura għal matul il-jum.
Il-grupp laħaq l-għan tiegħu billi ġabar ‘il fuq minn €65,000 u madwar ġimagħtejn oħra se jiftħu l-iskola huma stess.