Awdjo: ”Kien jaħdem in-nar u llum qed jarah mill-ġenna”

Ta' kuljum Marie Claire tiftakar fiz-zjiu tagħha, iżda fil-ġimgħa tal-festa ta’ Santa Marija, ma tieqafx taħseb fih.
Mario Dimech miet fit-13 ta’ Awwissu erba' snin ilu, fil-kamra tan-nar tal-15 ta’ Awwissu.
Ma' Newsbook.com.mt, Marie Claire qalet li l-festa ta’ Santa Marija dejjem kienet għall-qalb il-familja tagħha, hekk kif jagħmlu parti minn ħafna attivitajiet marbutin mal-festa, fosthom id-daqq fil-quddies, kif ukoll il-logħob tan-nar.
Kompliet tgħid li fit-13 ta’ Awwissu, erba’ snin ilu, mat-tokki tat-3pm, instemgħet splużjoni qawwija ġejja min-naħa tal-kamra tan-nar.
Ħsieb Marie Claire mill-ewwel mar f’zijuwha, u meta kulħadd inġabar fil-pjazza tal-Mosta biex jara min seta’ kien fil-kamra tan-nar, lil Mario ma setgħux isibuh.
Il-kamra tan-nar kienet mimlija bin-nar li kien se jintuża fil-festa lejlietha kif ukoll fil-jum tal-festa.
Marie Claire qalet li baqgħet tittama li jsibuh ħaj, iżda lejliet il-festa Mario instab mejjet.
Spjegat li għall-ewwel ma setgħetx taċċetta il-mewt taz-ziju, u kif din it-traġedja kellha proprju sseħħ fil-ġimgħa tal-festa li kienet tant għall-qalb il-familja tagħha.
Sostniet li kienet il-fidi tagħhom f’Alla u f’Marija li għenithom.
Illum, Marie Claire qalet li xorta waħda tħoss in-nuqqas taz-ziju Mario. Wara l-mewt tiegħu, il-logħob tan-nar kien iġibilha għafsa ta’ qalb, iżda llum, meta tara l-kuluri tan-nar jimlew is-sema, tiftakar kemm kien iħobbhom iz-ziju.
Temmet tgħid li x-xewqa tagħha kienet li z-ziju tagħha jismagħha ddoqq l-antifona tal-festa fil-knisja, li għall-Mostin huwa unur kbir, iżda konvinta li hu qed jismagħha ddoqq u li jkun magħha f’dak il-mument.