Awdjo: “Kien ħabsi li kkunslani meta tlift lil missieri” – Patri Aaron

Patri Aaron Zahra jirrakkonta kif meta tilef lil missieru sentejn ilu kien għaddej minn mumenti diffiċli u kien wieħed mill-ħabsin li tah konsolazzjoni.
Il-Patri Dumnikan, li għadu kif irċieva l-Ordni Sagri jgħid li ittra mingħand ħabsi li qallu kemm missieru kien għenu anke meta kien ħareġ il-ħabs u wara li reġa’ daħal, imlietu bil-paċi.
Ma’ Newsbook.com.mt Patri Aaron qal li qatt ma kien jaf li missieru kien jgħin lill-ħabsi kemm fil-flus kif ukoll billi jippreparalu xi ikel.
Kienet din ir-raġuni kif ukoll id-devozzjoni li għandu lejn il-Beatu Bartolo Longo, lajk Dumnikan u fundatur tas-Santwarju tal-Madonna ta’ Pompei u li kien bena istitut għat-tfal tal-prinġunieri, li waslitu biex l-ewwel Quddiesa tiegħu jqaddisha fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Patri Aaron qal li meta għażel li jmur il-ħabs huwa mexa fuq it-tagħlim ta’ Kirstu u fakkar fi kliem Ġesù “kont il-ħabs u ġejtu żżuruni”.
Stqarr li biż-żjara tiegħu ried iwasal messaġġ li l-ħabsin huma ħutna u lkoll huma maħluqa xbieha ta’ Alla. Saħaq li kull bniedem għandu d-dinjità tiegħu u kull bniedem jista’ jiżbalja għax ilkol dgħajfa. Fl-isfond ta’ dan huwa tenna li s-soċjetà ma tistax twarrabhom.
Huwa appella lis-soċjetà biex ma tiġġudika lil ħadd għax illum jien u għada int. Tenna li Alla biss jaf kemm x’hemm fil-qalb tal-bniedem kif ukoll għala l-bniedem ikun wasal li jieħu ċertu deċiżjonijiet.
Patri Aaron qal li ħafna mill-ħabsin iddispjaċihom għal dak li għamlu u qed ipattu għal għemilhom. Spjega li mhux faċli li tgħix hemm ġew u qal li meta sema’ l-bieb jingħalaq warajh inħasad.
Temm jgħid li l-għadd ta’ priġunieri li hemm, fosthom żgħażagħ, għandu jiftaħ għajnejn is-soċjetà għax dan huwa kollu sinjal ta’ fejn hi sejra u appella biex is-soċjetà tagħti lit-tfal valuri sodi Kristjani u morali biex ikunu ċittadini ta’ sinsla biex ħadd ma jispiċċa maqful fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.