Awdjo: “Kiefra li toħroġ mill-isptar b’idejk vojta wara li tkun wellidt”

Wara li għaddew minn esperjenza simili, koppja mill-Mosta iddeċidiet li tagħmel xi ħaġa biex ġenituri li jitilfu t-trabi tagħhom qabel it-twelid, ma jmorrux lura d-dar mill-isptar idhom f’idhom.
Tliet snin ilu Karl u Pauline Pullicino kienu tilfu lit-tarbija tagħhom Maria, ġimgħatejn biss qabel ma kellha titwieled.
Ma’ Newsbook.com.mt, Pauline tgħid kif “l-aktar ħaġa kiefra hija li toħroġ mill-isptar wara li tkun wellidt, u li toħroġ b’idejk vojta”.
Jispjegaw kif dan kien l-aktar żmien diffiċli għalihom fil-ħajja miżżewġa tagħhom.
Jitkellmu ma’ Newsbook.com.mt dwar l-inizjattiva li ħadu li jippreparaw kaxxex ta’ tifkira li fihom il-ġenituri li jkunu tilfu tarbija, iqiegħdu l-affarijiet li dejjem jibqgħu ifakkruhom fiha.
Huma se jagħtu dawn il-kaxxex lill-Isptar Mater Dei sabiex jitqassmu b’xejn lill-ġenituri li jgħaddu minn din l-esperjenza.
Jitkellem ukoll Karl, li jgħid li dan kollu qed jagħmluh fuq bażi volontarja u li l-affarijiet qed jinxtraw permezz ta’ donazzjonijiet mill-familji tagħhom.
Jirrakkonta kif ħoloq paġna fuq Facebook sabiex it-tifkira tal-anġlu tagħhom tibqa’ għal dejjem xi ħaġa ħajja, u li fl-istess ħin isservi ta’ kuraġġ għal kull min jitlef tarbija qabel iż-żmien.
Minn dakinhar ‘l hawn Karl u Pauline kellhom żewġ subien oħra.
Tista' taċċessa l-paġna ta' Facebook minn hawn.