Awdjo: “Kemm jista’ jkun toħorġux avolja festa” – Prof. Gauci b’appell

Miguela Xuereb

Read in English.

Is-Superintendent għas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci appellat lill-pubbliku sabiex kemm jista’ jkun ma joħroġx mid-dar avolja llum festa u l-ġurnata tista’ tkun waħda xemxija.

Hi qalet dan waqt il-Breakfast Show ta’ 103 fejn kienet qed tiġi intervistata minn Jesmond Saliba u Arthur Caruana. Hi kompliet tgħid li jekk ikun hawn min jiddeċiedi li joħroġ xorta waħda, jagħmel dan mal-familja tiegħu biss u jmur f’postijiet fejn kemm jista’ jkun ma jkollux kuntatt ma’ familji oħrajn. Sostniet iżda li jekk il-pubbliku għal jum wieħed biss jinsa s-sitwazzjoni li qiegħed fiha l-pajjiż, jista’ jwassal sabiex din tkun ġurnata li tifrex aktar il-coronavirus fil-pajjiż.

Reġgħet għamlet l-appell tagħha lill-anzjani sabiex ma joħorġux minn djarhom jekk verament m’għandhomx bżonn. Qalet li anke li wieħed imur s’għand tal-merċa jew f’xi supermarket huwa riskju. Qalet li l-Gvern qed jipprovdi servizzi differenti biex jevita li l-anzjani u persuni taħt kwarantina mandatorja joħorġu minn djarhom. Fosthom ta’ xiri tal-ikel u l-mediċini.

“Kuntenti li n-nies qed japprezzaw ix-xogħol tagħna”

Il-Professur Gauci qalet li hi u l-professjonisti tas-saħħa jinsabu kuntenti li l-pubbliku qed juri apprezzament tant kbir għax-xogħol tagħhom. Qalet iżda li l-ikbar turija t’apprezzament hija meta l-pubbliku jikkopera mal-awtoritajiet tas-saħħa.

Spjegat li prijorità oħra tagħha hi li tieħu ħsieb is-saħħa tal-ħaddiema tas-saħħa. Qalet li huma jafu li hemm triq twila u qed jieħdu l-miżuri neċessarji biex kemm jista’ jkun huma, li jinsabu fil-qalba tal-virus, ma jimirdux ukoll. Qalet li huma jridu jservu ta’ eżempju għall-bqija tal-popolazzjoni.

“Ħidma matul il-jum u matul il-lejl”

Il-Prof. Gauci spjegat li qed isiru ħafna testijiet matul il-ġurnata u matul il-lejl. Qalet li meta jsiru t-testijiet huma jistennew ir-riżultati tagħhom joħorġu, sabiex imbagħad ikellmu lil dawk li jkunu ttestjaw pożittivi, ipoġġuhom f’iżolament u minn hemm jibdew il-contact tracing.

Spjegat li dan wassal sabiex ikollu jieqaf jew jonqos bil-kbir ix-xogħol li kien isir f’oqsma oħrajn. Qalet li issa żammew ix-xogħol li huwa essenzjali biex tiġi protetta s-saħħa pubblika. Kompliet tgħid iżda li ċertu xogħol ieħor jibqa’ dieħel hekk kif il-pubbliku xorta għadu jimrad b’mard ieħor u hemm min għandu problemi bħal fil-qalb u problemi respiratorji. Nies li jibqgħu jiġu bżonn l-għajnuna tal-professjonisti tas-saħħa.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn