Awdjo: Kemm għandek tagħti informazzjoni lit-tfal dwar il-coronavirus?

boy-wearing-surgical-mask-695954

Read in English.

Il-psikologa Cher Engerer talbet lill-ġenituri biex joqgħodu attenti kemm u liema informazzjoni jgħaddu lit-tfal tagħhom f’dan iż-żmien meta l-coronavirus jinsab fuq fomm kulħadd.

Dan qalitu hi u tiġi intervistata fuq il-programm Christine Daily fuq 103. Engerer qalet li l-ġenituri għandhom ir-responsabiltà li jinfurmaw it-tfal u jgħidiluhom li din mhix sitwazzjoni normali. Spjegat iżda li l-mod kif tingħata din l-informazzjoni għandha ssir skont l-età tat-tfal. Appellat biex il-ġenituri ma jagħtux informazzjoni lit-tfal li tista’ twerwirhom jew tbeżżagħhom.

“Irridu nippruvaw innaqqsu l-istress li qed inpoġġu fuqhom u nużaw dan il-ħin biex inqattgħu ftit iktar ħin mal-familja,” kompliet tgħid Engerer. Spjegat li għandna nieħdu dan iż-żmien biex forsi nilgħabu aktar mat-tfal u nagħmlu affarijiet li fil-ġranet ta’ kuljum forsi ma jkollnhiex ċans nagħmlu.

Insistiet li inutli li l-ġenituri joqgħodu juru u jgħaddu l-ansjetà tagħhom lit-tfal. Qalet li l-iktar ħaġa importanti li l-ġenituri għandhom juru lit-tfal hija kif jaħslu idejhom, kif jieħdu ħsieb l-iġene tagħhom. Insistiet li l-importanza hija li lit-tfal “ngħidulhom li hu żmien temporanju li se jgħaddi” u mhux ħafna informazzjoni żejda li tista’ biss toħolqilhom aktar ansjetà.

“Irridu nfakkru lilna nfusna li din il-ħaġa se tgħaddi”

Il-Psikologa tkellmet ukoll mil-lat tal-adulti, u kif xi ħaġa bħal din tista’ toħloq ansjetà lill-istess adulti. Sostniet li mhux kemm wieħed jgħid “trid tibqa’ pożittiv”. Qalet l-importanti li kulħadd jibqa’ jfakkar lilu nniffsu li din mhix xi ħaġa permanenti, iżda hija xi ħaġa temporanja li se tgħaddi.

Appellat biex il-pubbliku ma jemminx kull ma jaqra u jarbel kull aħbar u s-sors ta’ minn fejn ġejja l-aħbar. Qalet li każijiet bħal dawn jagħtu lok għal żvilupp ta’ fake news u siti li purament jipproduċu dan biss.

Intant sostniet li huwa fattur importanti li kulħadd jorqod bejn seba’ u tmien sigħat kuljum sabiex is-sistema tal-immunità tal-ġisem tibqa’ f’saħħitha. Spjegat li jekk hemm persuni li qed isibuha diffiċli li jorqdu bl-ansjetà, jistgħu:

  • Jirrikorru għand tabib li jtihom xi mediċina ħafifa li tgħinhom jorqdu,
  • Jirrikorru għal xi herbal teas qabel ma jorqdu,
  • Jagħmlu xi tip ta’ meditazzjoni permezz ta’ apps disponibbli.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn