Awdjo: Kelma ġġib l-oħra fuq Facebook

Fl-aħħar ġimgħat bdiet paġna fuq facebook biex titqajjem aktar kuxjenza dwar il-lingwa Maltija.

Il-paġna ‘Kelma Kelma’ bdiet bl-għan biex terġa tagħti l-ħajja lil diversi qwiel u idjomi, kliem ix-xiħ, ħaġa moħġaġa, u botti u risposti tat-tfal. Tagħti wkoll prominenza lill-poeżiji u kliem kantat.

Michael Spagnol, il-moħħ wara din il-paġna, qal li kien ilu jaħseb dwar dan il-proġett.

Spagnol sostna li din il-paġna tant intlaqgħet tajjeb li fil-preżent qed isegwuha aktar minn ħdax-il elf persuna.

Din mhix l-unika waħda b’dan il-għan, b’diversi paġni oħra fosthom dik ta’ “Kelmet il-Malti”. F’din il-paġna nies minn kull qasam tal-ħajja jiddiskutu aspetti differenti tal-lingwa Maltija, u ġieli jitolbu parir għal xi kelma jew oħra.

Michael Spagnol temm jgħid li dan kollu juri kemm il-Maltin jgħożżu l-lingwa tagħhom, u li ma stenniex li dawn il-paġni se jiksbu daqstant popolarità.