Awdjo: “Qed naħdem biex ngħin lill-konsumatur dwar it-tariffi tal-mowbajl” – Dr Metsola

Dr Roberta Metsola sostniet ma’ Newsbook li tinsab kburija li għal darb’oħra se tikkontesta l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista.

Intervistata minn Newsbook.com.mt, Dr Metsola qalet li qed taħdem sabiex tgħin lill-konsumatur fir-rigward tat-tariffi tal-mowbajl.  Hi qalet li mhux sew li wieħed iħallas erba’ darbiet aktar, waqt li jkun imsiefer, anke għax sempliċiment itella’ ritratt fuq is-sit ta’ networking soċjali Facebook.

Hu mifhum li 56% tal-poplu Ewropej ma jużax il-mowbajl waqt li jkun imsiefer u għalhekk tul din il-ġimgħa waqt is-sessjoni plenarja fi Strażburgu, il-Parlament Ewropew se joħroġ bi proposta sabiex ikun hemm aktar roħs. Dan minbarra li f’Lulju li ġej, it-tariffi mistennija jerġgħu jorħsu.

Dwar l-immigrazzjoni, Dr Metsola sostniet li bħala membru ewro-parlamentari, hi tinsab kburija li ma titkellimx b’theddid, iżda b’soluzzjonijiet konkreti. Qalet li se tara li jkun hemm appoġġ minn stati oħra, filwaqt li l-liġijiet li jpoġġu piżijiet sproporzjonati fuq Malta jittranġaw jew jitneħħew.

Ma’ Newsbook, Dr Metsola kkritikat l-atteġjament tal-Prim Ministru Joseph Muscat li skont hi kkritika lill-Kummissarju Ewropew Cecilia Malmstrom, xerred il-mibgħeda u għadu sal-lum ma qalx li l-politika tal-push-back hi ħażina.