Awdjo: ‘Kburija li ġarrejt il-bandiera Maltija quddiem ir-Reġina’ – Nicola Said

Nicola Said minn Ħ’Attard u li ilha għall-aħħar 18-il xahar tistudja l-mużika f’Londra esprimiet is-sens ta’ kburija li ħasset meta lbieraħ ġarret il-bandiera Maltija waqt iċ-ċerimonja li saret f’Westminster Abbey f’Jum il-Commonwealth.
Ma’ Newsbook.com.mt, Nicola qalet li kienet “esperjenza verament sabiħa” u ltaqgħet ma’ diversi nies minn pajjiżi u kulturi differenti. 
“Fl-aħħar tal-attività kont żewġ metri biss ‘il bogħod mir-Reġina”, qalet Nicola.
Ġiet innominata biex iġġor il-bandiera Maltija f’din iċ-ċerimonja mill-Kummissarju Ogħli għal Malta fl-Ingilterra Norman Hamilton, wara li saru jafu lil xulxin permezz tal-paġna tagħha fuq Facebook The Official Page for Maltese in London.
Nicola qed tistudja t-Taħriġ fil-Vuċi fil-Guildhall School of Music and Drama u għadha kemm ġiet aċċettata biex tibda kors tal-opra fl-istess skola għall-perjodu ta’ sentejn. 
Ilha għal dawn l-aħħar tmien snin tistudja l-mużika barra minn Malta. 
Fil-21 ta’ April li ġej, Nicola se tkun Malta fejn se tkun qed tinterpreta kanzunetti Maltin f'Palazzo de la Salle, f’attività organizzata mill-Mdina Lions Club.