Awdjo: Kalamiti u vulkani fost esperimenti fl-iskola

L-iskola primarja tal-Imġarr se tkun qed torganizza ġurnata ta’ xjenza u matematika fejn il-ġenituri tal-istudenti huma mistiedna jattendu biex jaraw l-investigazzjonijiet xjentifiċi tat-tfal fil-klassijiet tal-iskola.
Għalliema fl-iskola tal-Imġarr qalet ma’ Newsbook.com.mt li dan qed isir għax l-iskola għarfet tagħti prijorità lix-xjenza.
Spjegat li nhar il-Ħamis 7 ta’ April, l-iskola kollha se tkun qed tipparteċipa, mit-tfal iż-żgħar tal-Kinder sat-tfal tal-Year 6.
Uħud mill-investigazzjonijiet jinkludu attivitajiet li għandhom x’jaqsmu mal-ispazju, id-dinja u s-sistema solari, fejn l-istudenti se jagħmlu diversi esperimenti biex jifhmu aħjar ix-xjenza.
Fost dawn l-esperimenti, it-tfal se janallizzaw kif taħdem il-gravità u l-kalamita, se jaraw kif jiżbroffa vulkan, se jiżirgħu pjanti fl-iskola u anki se jagħmlu strumenti mużikali permezz ta’ flixken mimlija bl-ilma.
Se jkun hemm ukoll studenti li se japplikaw il-matematika mas-sistema solari u preżentazzjonijiet dwar l-Univers.