Awdjo: Joe Cordina se jitneħħa mill-polza tal-vot

Li politiku jirtira l-kandidatura tiegħu f’elezzjoni wara li jkun għalaq il-proċess tan-nomini, ġieli ġrat iżda hija rari ħafna.

F’kummenti li ta lil Newsbook, il-kummissarju elettorali Salvu Gauci qal li fil-każ ta’ Joe Cordina, se jitneħħa mill-polza tal-vot għax huwa permess mill-liġi.

L-istess liġi tgħid li kieku dan ġara wara li jkunu ġew stampati il-poloz tal-vot, ma kienx ikun possibli li jitneħħa ismu.

Il-liġi tgħid li dan għandu jsir sa’ 13-il jum qabel il-ġurnata tal-elezzjoni, iġifieri nhar il-Ħadd 24 ta’ Frar.

Il-kummissarju elettorali Salvu Gauci qal li għalkemm ġieli kellhom xi każi bħal dawn, din hija rari ħafna. Infatti, dan kien jiġri biss f’każ ta’ mewt ta’ kandidat.

Hu qal li fl-aħħar elezzjoni ġenerali ma kienx hemm każ bħal dan.

Joe Cordina kien se jikkontesta it-tlettax-il distrettt, iġifieri Għawdex. Il-Ħamis filgħaxija, hu ħabbar li rtira l-kandidatura tiegħu wara rapporti li ħarġu fil-midja tal-Partit Nazzjonalista.

Hu sostna li għalkemm jiċħad kategorikament dak li ġie rraportat, qal li l-elezzjoni ġenerali hija wisq importanti għall-futur ta’ Malta biex iħalli l-Partit Nazzjonalista jiddevja l-attenzjoni.