Awdjo: Jiżdiedu l-istudenti li jitolbu l-għajnuna tal-counselling fi żmien l-eżamijiet

Eluf ta’ studenti fil-jiem li ġejjin se jibdew l-eżamijiet ta’ nofs is-sena u skont Fr John Vella, il-Kap tal-Counselling Services fl-Università ta’ Malta, fl-aħħar snin qed jiżdied l-ammont ta’ studenti li jmorru jitolbu għall-għajnuna minħabba problemi ta’ ansjetà u stress fi żmien l-eżamijiet. 
L-akbar biża’ fost l-istudenti hi li ma jgħaddux mill-eżami, waqt li t-tieni hi li ma jiftakrux dak li studjaw.
Fi kliem Fr John, li hu wkoll psikoterapista, dawn il-beżgħat huma normali ħafna u wara li jfittxu l-għajnuna l-istudenti jindunaw li jafu u jiftakru ferm iktar milli jkunu qed jaħsbu. 
“L-istress u l-ansjetà huma parti mill-ħajja imma meta taħseb li fi żmien l-eżamijiet dawn se jieħdu r-riedni, l-aħjar hu li tfittex l-għajnuna minn ġimgħat qabel, biex ma tinqabadx fil-paniku tal-eżamijiet” appella Fr John. 
L-ewwel sinjali komuni ta’ ansjetà u stress huma nuqqas ta’ rqad, problemi fl-ikel, brim, għaraq u nuqqas ta’ konċentrazzjoni.     
Fr John hu tal-parir li l-ġenituri għandhom jitgħallmu huma wkoll kif jistgħu jtaffu ftit mill-istress tat-tfal. 
“Hu fatt li ħafna mill-istudenti Maltin għadhom jgħixu mal-ġenituri.  Għalkemm  kull familja hi differenti mill-oħra, f’Malta jinħassu ferm iktar minn barra  –  forsi inkonxjament – l-istress u l-pressjoni żejda li l-ġenituri jpoġġu fuq it-tfal fi żmien l-eżamijiet.” 
Nhar l-Erbgħa 13 ta’ Jannar fl-Università, id-Dipartment tal-Counselling se jorganizza seminar dwar kif l-istudenti jistgħu jiġġieldu l-ansjetà fi żmien l-eżamijiet.  

Għal aktar dettalji tista’ tibgħat imejl fuq: lorleen.farrugia@um.edu.mt jew iċċempel 23402235.