Awdjo: Jixtiequ li jinxtara software li jgħin lit-tfal bid-dyslexia

Ġenituri ta’ studenti li għandhom id-dyslexia jkollhom moħħhom aktar mistrieħ, meta fl-iskejjel f’Malta jibda jintuża l-Kurzweil 3000, software li jservi ta’ għajnuna għall-istudenti b’diffikultajiet fit-tagħlim, fil-qari jew fil-kitba.
Dr Elena Tanti Burlò mit-Taqsima għall-Inklużjoni u Aċċess għat-Tagħlim fil-Fakultà tal-Edukazzjoni tal-Università ta' Malta qalet ma' Newsbook.com.mt, li ilha tistinka biex dan is-software jibda jintuża fl-iskejjel f'Malta. Dan sabiex studenti b’din il-kundizzjoni ma jaqgħux lura minn ma’ sħabhom. Fil-fatt, diġà introduċiet il-Kurzweil 3000 ma' diversi edukaturi anke fl-MCAST.
Il-psikologa Tanti Burlò spjegat kif dan is-software, jaqra n-numri u jgħin lill-istudent jikteb. Għal dawk li jsibu diffikultà biex jaqraw, dan il-programm jaqralek hu stess. Barra minn hekk għandu wkoll il-faċilità li permezz tiegħu l-għalliema jiggwidaw lill-istudenti awtomatikament.
Dr Tanti Burlò spjegat kif dan is-software interattiv mhux ta’ vantaġġ għal dawn it-tfal, iżda permezz tiegħu jistgħu jkunu fuq l-istess livell ta’ studenti oħra. Qabblet lill-istudenti bid-dyslexia ma’ persuna li tkun qed titgħallem issuq karozza, li ma taqlibx il-gear b’mod awtomatiku, iżda b’ħafna ħsieb. Sostniet li dan ifisser li jsibu problema biex jifhmu xi jkunu qed jiktbu jew jaqraw. 
Il-Kurzweil 3000 se jkun diskuss waqt il-laqgħa li jmiss tal-Assoċjazzjoni Maltija tad-Dyslexia, li se ssir nhar il-Ġimgħa li ġej fis-6.30pm fid-Dipartiment tal-Edukazzjoni fil-Furjana. Il-parteċipanti se jkunu murija analiżi tas-software biex ikunu jistgħu jifhmu kif jistgħu jgħinu lil uliedhom fix-xogħol tal-iskola u biex jifhmu aktar l-użu tal-midja elettronika. Is-software se jkun spjegat biċċa biċċa biex il-parteċipanti jifhmu kif dan jista’ jgħin lit-tfal b’ħiliet edukattivi varji, u fost l-oħrajn kif jippjanaw il-komponimenti.
Il-laqgħa se titmexxa minn Dr Elena Tanti Burlò stess, flimkien ma’ Henri Miceli u Miguel Herrera (student universitarju) li jużaw il-Kurzweil.