Awdjo: Jitlob l-għajnuna ta’ Muscat u Busuttil biex flimkien jipproteġu l-ħajja

Id-deputat Godfrey Farrugia bagħat abbozz ta' mozzjoni biex jitwaqqaf Kumitat għad-Dritt tal-Ħajja u d-Dinjità tal-Bniedem lill-Prim Ministru Joseph Muscat u lill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil.
Farrugia ħabbar dan ma’ Newsbook.com.mt meta kien mistoqsi dwar id-dritt tal-ħajja u ż-żwieġ gay. Huwa spjega li għalkemm iż-żwieġ ċivili se jmiss mas-sistema riproduttiva qatt ma implika li se jmiss mad-dritt tal-ħajja.
Iżda Farrugia saħaq li d-dritt tal-ħajja “se jasal il-mument tiegħu,” u spjega li propju għalhekk se jressaq din il-mozzjoni biex jitwaqqaf dan il-Kumitat Parlamentari.
Godfrey Farrugia qal li qabel ma poġġa l-mozzjoni fuq il-medja tal-Kamra, ħass li kellu jagħti ċans lill-Prim Ministru u lill-Kap tal-Oppożizzjoni biex jaraw kif inhi miktuba u jagħmlu s-suġġerimenti tagħhom.
Huwa qal li lest jilqa’ s-suġġerimenti taż-żewġ naħat iżda jekk jibqa’ mingħajr suġġerimenti se jkun qed iressaq din il-mozzjoni bil-mod kif kitibha hu stess.
Id-Deputat tal-Partit Demokratiku qal li jittama li kemm il-Prim Ministru u anke l-Kap tal-Oppożizzjoni jaċċettaw li flimkien miegħu jaħdmu fuq din il-mozzjoni u qal li dan għandu jkun il-mod kif jimxu Membri Parlamentari oħra.
Newsbook.com.mt bagħat jistaqsi kemm lill-Prim Ministru u anke lill-Kap tal-Oppożizzjoni jekk hux se jaċċettaw l-istedina ta’ Farrugia u x’se jkunu s-suġġerimenti tagħhom.