Awdjo: Jitkellmu l-ħbieb tat-tfajla ta’ 15-il sena li ttajret fil-Birgu

Tfajla ħelwa, dejjem titbissem, ferriħija, b'karattru tal-ġenn u tħobb tgħin. 

Dawn huma kliem il-ħbieb ta' Sarah, it-tfajla ta' 15-il sena li lbieraħ tilfet il-battalja tagħha mal-mewt wara li ttajjret minn karozza fil-Birgu.

Christian Agius, ħabib kbir ta' Sarah irrakkonta ma' Newsbook.com.mt li sar jaf bil-mewt tagħha lbieraħ filgħodu minn fuq Facebook. Qal li l-mewt ta' Sarah kienet xokk għax hi wisq kbira li titlef lil xi ħadd li jirrispettak u jagħmel kollox għalik.

Spjega l-għafsa ta' qalb li jħoss meta jara r-ritratti tagħha u jiftakar fil-memorji u l-ħin li qattgħu flimkien. 

Kif sema' bl-aħbar tal-inċident u kkonferma li hi l-istess Sarah li jaf hu, mar jiltaqa' ma' sħabu li kienu qegħdin fil-grawnd u kien hemmhekk li fetaħ qalbu magħhom. 

Naomi Theuma, ħabiba oħra ta' Sarah, qalet li sħabha se jimmisjawha ħafna, għax fost l-oħrajn kienet persuna li ma tilħaqx tarahom li ma tmurx tiġri tgħannaqhom.

L-inċident li kienet involuta fih Sarah, seħħ nhar is-Sibt li għadda, hekk kif it-tfajla kienet qed taqsam fi Triq il-Kottonera fil-Birgu, qrib il-Kumpless Sportiv.  Magħha kien hemm ukoll ħuha ta' sitt snin li weġġa’ ħafif.

Sarah, li kienet qed tingħata l-kura fl-Isptar Mater Dei, waqfet tissielet għal ħajjitha tul il-lejl ta' bejn il-Ħadd u t-Tnejn.  

L-aħħar tislima lil Sarah Farrugia se tingħata għada l-Erbgħa fis-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja f'Ħaż-Żabbar fit-tlieta ta' waranofsinhar.

Fuq Facebook twaqqfet il-paġna R.I.P Sarah Farrugia, You'll be missed xxx li s'issa għandha 'l fuq minn 9,500 like