Awdjo: Jispiċċa bil-punti wara għawma f’Wied il-Għajn

Żagħżugħ jista’ jgħoddha b’waħda wara li nhar il-Ħadd li għadda mar jgħum fil-Bajja ta’ San Tumas f’Wied il-Għajn, żelaq u spiċċa bil-punti f’siequ.
Ma’ Newsbook.com.mt, Emanuel Zammit spjega kif meta ġie biex jitla’ mill-baħar, żelaq minn fuq is-sellum li hemm apposta u qata’ siequ tant li kellu jispiċċa jagħmel żewġ punti.
L-inċident ta’ Emanuel ma kienx wieħed kbir, iżda żagħżugħ ma jridx li jħalli l-affarijiet għaddejja qiesu xejn mhu xejn, għax fi kliemu ħaddieħor tista’ tiġih agħar.
Minkejja li l-bajja hija popolari ħafna man-nies, iż-żagħżugħ spjega li s-sellum mhu sigur xejn għax apparti li hu mimli ħaxix tal-baħar, jiżloq minnu nnifsu.
Emanuel tkellem mal-voluntiera li jkunu fuq il-bajja biex jassistu f’każ ta’ emerġenza u qalulu li dan mhux l-ewwel każ ta’ persuna li weġġgħet fuq dak is-sellum.
Kelliem għall-Kunsill Lokali ta’ Wied il-Għajn spjega ma' Newsbook.com.mt li l-bajja taqa’ taħt ir-responsabbilità tad-Dipartiment tat-Tindif u li l-kunsill irċieva diversi rapporti fuq dan is-sellum.
Spjega li l-kunsill irraporta l-każ kemm-il darba iżda s’issa s-sellum għadu hemm.
Iż-żagħżugħ irringrazja lis-Sindku tal-għajnuna u l-interess li wera u li flimkien qed jaħdmu biex jagħmlu pressjoni biex is-sellum jinbidel malajr kemm jista’ jkun qabel ikun tard wisq.
Newsbook.com.mt qed jistenna tweġiba mingħand id-Dipartiment tat-Tindif.
 
Jekk għandek xi storja u tridna ninvestigaw ibagħtilna fuq info@newsbook.com.mt