Awdjo: Jiżdied il-bejgħ tal-alarms minħabba s-serq mid-djar

Il-mewġa ta’ serq f’Tas-Sliema, f’San Ġiljan u fil-Qawra, wasslet biex il-kumpaniji li jbiegħu apparat tas-sigurtà, żiedu l-bejgħ tal-prodotti bi kważi 50%.
Adrian Cutajar, is-Sales Manager ta’ Alberta, qal ma’ Newsbook.com.mt li fost l-aktar prodotti li r-residenti qed jistaqsu dwarhom bħalissa huma sistemi ta’ alarms u kameras tas-sigurtà.
Anke minħabba r-rappurtaġġ intensiv li l-midja tat lil dawn il-każi ta’ serq, Cutajar qal li l-pubbliku sar aktar konxju dwar kemm hu importanti li tkun sigur f’darek stess.  B’rabta mal-kummenti li l-kumpaniji tas-sigurtà jieħdu gost bis-serq, is-Sales Manager għamilha ċara li jixtiequ li n-nies jieħdu prewkawzjonijiet qabel ma jinsterqu u mhux wara li jiġri l-każ.
Qal li ġeneralment in-nies iċemplulhom eżatt wara li jċemplu lill-Pulizija biex jirrappurtaw li ġew misruqa. Semma wkoll każ partikolari li ġara dan l-aħħar meta żewġ ħallelin inħbew wara l-bieb ta’ barra u sid id-dar baqa’ għaddej maġenbhom mingħajr biss ma nduna bihom. 
Bħala kumpanija nnuttaw li s-serq ilu jiżdied bil-mod għal dawn l-aħħar snin u mhux biss fil-lokalitajiet l-aktar iffrekwentati mit-turisti.
Jidher li l-aktar imfittxija għas-serq huma l-appartamenti.  Dan għax skont Adrian Cutajar, il-ħallelin jistgħu jisirqu aktar bil-kumdità meta l-bieb tal-entratura prinċipali jitħalla miftuħ. Residenzi bil-btieħi, ġonna u gallariji baxxi huma wkoll fost l-aktar li jolqtu l-għajn ta’ min bi ħsiebu jisraq.
Għandhom joqogħdu wkoll b’seba’ għajnejn dawk li maġenbhom hemm ukoll post vojt għax jagħmilha aktar faċli għall-ħalliel biex jaqbeż minn dar għal oħra.
Ħarsa lejn dak li qed jiġri f’Tas-Sliema u San Ġiljan, skont informazzjoni miġbura mill-Pulizija, jidher li mill-2012 sa nofs din is-sena ġew irrappurtati 5,500 każ ta’ xi tip ta’ serq f’San Ġiljan u 1,900 serqa f’Tas-Sliema.