Awdjo: Jipproponu powerstation bil-mirakli, prostituzzjoni legali u aktar

It-tliet kandidati independenti għall-Elezzjoni Ġenerali 2013 iddominaw id-dibattitu tal-Awtorità tax-Xandir, li xxandar l-Erbgħa filgħaxija.

Il-kandidati kienu Żaren Bonniċi f’isem il-Partit tal-Ajkla, Dr John Zammit għall-Alleanza Liberali, u Anthony Mercieca.

Żaren Bonniċi, qal li hemm bżonn li jkun hemm leħen ieħor maż-żewġ partiti politiċi, u li hu kunfidenti li l-poplu ħa jeleġġih fil-parlament.

Fost diversi temi, huwa propona li jiżdied ix-xogħol f’Għawdex permezz ta’ fabbriki ġodda. Qal ukoll li kieku hu ma jagħmilx mina taħt il-baħar bejn Malta u Għawdex, għax dan ikun ħela ta’ flus peress li ma jidher xejn mill-art. Tenna l-wegħda tiegħu li jagħmel powerstation taħdem bil-mirakli.

Anthony Mercieca qal li din id-darba ħareġ bħala indipendenti wara li l-Azzjoni Nazzjonali spiċċat.

Qal li ħiereġ għax il-valuri nsara qed jiġu mwarrba, u li qed ikun hemm żieda fil-liberali. Huwa ħiereġ fuq it-tieni distrett biex jieħu il-vot tat-tieni preferenza wara l-mexxejja politiċi.

F’isem l-Alleanza Liberali, Dr John Zammit qal li wara li kkontesta darbtejn l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew, se jipprova xortih għall-Parlament.

Huwa qal li valuri liberali jitolbu li l-prostituzzjoni tkun legalizzata u li jagħmel Kemmuna bħala Ibiza, avolja ma kkonsultax mal-familja li tgħix Kemmuna.

Din mhux l-ewwel darba għat-tliet kandidati li kkontestaw elezzjoni fuq bażi nazzjonali.