Awdjo: Jipproponilha fuq l-ajruplan meta kienu fuq il-Mellieħa

Minkejja li mhux ftit huma dawk l-irġiel li jipproponu lit-tfajla tagħhom b’mod romantiku, kultant issib uħud li jagħżlu li jkunu ftit iktar oriġinali minn oħrajn meta jiġu biex isaqsu l-mistoqsija tant importanti lit-tfajla tagħhom.
Wieħed minn dawk l-irġiel li għażel li jkun iktar oriġinali kien Chris Enriquez, li ta sorpriża lit-tfajla tiegħu, Stephanie Mamo, meta minn fuq ajruplan żgħir li kienu fuqu flimkien din rat “Will you Marry me Steph?” miktuba fuq l-art taħthom.
Fil-kumment tiegħu ma’ Newsbook.com.mt, Chris, li hu nnifsu hu dilettant tal-ajruplani żgħar, qal li kien ilu jipprepara għal dan il-jum minn mindu spiċċat il-World Cup, jiġifieri madwar xahar ilu.
Peress li hu għandu liċenzja tal-ajruplani ż-żgħar, għalih ma kinitx problema li jieħu lit-tfajla tiegħu dawra fuq wieħed minnhom lejn in-naħa tal-Mellieħa. Meta kienu qegħdin fl-ajru, hu qal lil Stephanie biex tfittex l-arma tal-USAS tal-Amerka. Minflok din l-arma, hi rat xi ħaġa wisq isbaħ, messaġġ ħelu miktub fuq l-art.

Kif kien qed jistenna Chris, li ħa l-idea fuq l-internet, it-tfajla tiegħu kienet sorpriża ħafna meta rat il-messaġġ, u m'għandniex xi ngħidu, l-iva mingħandha waslet dak il-ħin stess.