Awdjo: Jinġabru aktar minn 300 kutra għall-immigranti f’Ħal Far

SOS Malta ġabret madwar 300 kutra għall-immigranti li qed jgħixu fiċ-Ċentru l-Miftuħ ta’ Ħal Far. Dan wara li fl-aħħar ġimgħat daħlu Malta ‘il fuq minn 200 immigrant permezz ta’ ħidmiet mill-Forzi Armati ta’ Malta.

Dan qalitu ma’ Newsbook.com.mt il-Kap Eżekuttiv ta’ SOS Malta Claudia Taylor-East. Hi spjegat li SOS Malta dejjem tirrispondi f’każijiet ta’ emerġenza, mhux biss fil-pajjiż, iżda anke b’mod internazzjonali. Sostniet li b’mod speċjali f’dan iż-żmien ta’ temp kiesaħ, ma setgħux ma jappellawx għall-kutri u anke ħwejjeġ ta’ taħt. Spjegat li r-rispons tal-pubbliku kien wieħed sodisfaċenti.

Qabel ma saret il-kollezzjoni qalet li għamlu kuntatt mal-Aġenzija għall-benessri tal-persuni li qed ifittxu l-ażil (AWAS) sabiex tara eżatt x’inhu l-bżonn ta’ dawn l-immigranti. Malli saru jafu l-bżonnijiet ħadmu sabiex jiġbru kemm hemm bżonn, xejn inqas u xejn aktar sabiex jassiguraw li dawn l-immigranti jesperjenzaw il-ħbiberija li għandhom jesperjenzaw meta jaslu Malta.

Fl-aħħar jiem, SOS Malta ġabret ukoll mal-150 imħadda għall-immigranti. Huma ngħataw żewġ kutri kull wieħed, kif ukoll ħwejjeġ ta’ taħt ġodda. Taylor-East sostniet li SOS Malta ma kinitx l-unika entità li kienet qed tiġbor oġġetti bħal dawn għal dawn il-persuni u tassumi li bħal din id-donazzjoni hemm bosta oħrajn.

“Ieqfu webbsu raskom”

Taylor-East talbet sabiex il-pajjiżi Ewropej jieqfu jwebbsu rashom dwar id-49 immigrant li għal kważi ġimgħatejn sħaħ baqgħu maqbudin bejn sema u ilma għax mhux qed jiġu offruti port ta’ sigurtà. Sostniet li hija sitwazzjoni tassew ta’ dieqa li l-politika kellha tikkawża daqshekk dannu tant li tirriskja ħajjet persuni vulnerabbli.

Insistiet li hemm bżonn li d-49 immigrant abbord is-Sea Watch 3 u Professor Albrecht Pench jiddaħlu f’port mill-aktar fiss possibbli.

Aktar kmieni llum, l-Arċisqof Charles Scicluna żar il-bastiment Lifeline fejn qal li d-49 migrant li bħalissa jinsabu fil-baħar Mediterran qed isofru “inġustizzja kbira”.

Aqra aktar: Bżonn kutri għall-immigranti li daħlu Malta

Aqra aktar: Filmat: Il-migranti qed isofru inġustizzja – l-Arċisqof minn fuq il-Lifeline