Awdjo: Jikkundannaw ix-xandir ta’ filmati tal-qtil fi Franza fil-midja f’Malta

Il-filmati bix-xena tal-qtil ta’ pulizija mit-terroristi fil-massakru ta’ Pariġi, li dehru wkoll fuq sezzjonijiet tal-midja lokali, kien wieħed mis-suġġetti li dalgħodu ġew diskussi fuq il-programm Newsbook fuq RTK.
L-etika ġurnalistika fix-xandir ta’ filmati ta’ qtil ġiet diskussa l-espert tal-midja Fr Joe Borg, id-Dekan tal-Fakultà tal-Midja u l-Komunikazzjoni Prof. Saviour Chircop, u l-eks editur ta’ The Sunday Times Laurence Grech jemmnu li f’każi simili, wiċċ il-vittmi għandu jiġi mċajpar.
Fr Joe Borg saħaq li l-mument tal-mewt hu wieħed mill-iktar mumenti sagri u privati tal-bniedem.
Min-naħa tiegħu Prof. Chircop qal li r-rispett lejn il-bniedem hu sagrosant u li l-ġurnalist irid jara li jwassal l-aħbar filwaqt li jirrispetta d-dinjità tal-bniedem. Appella biex kulħadd jagħmel xogħlu bi professjonalità.
Laurence Grech sostna li dawn l-affarijiet wieħed għandu jevitahom u jikkundannahom.
Fil-programm tkellem ukoll musulman, Laiq Ahmed Atif. Semma kif snin ilu fil-Pakistan u fl-Indja, il-persentaġġ tar-reati kien baxx, imma llum minħabba l-influwenza tal-midja qed jiżdied il-qtil u s-serq.
Saħaq li l-aħbar għandha tissemma imma m’għandux jitwassal dak kollu li jsir.
Fil-programm ġew diskussi wkoll l-attakki fi Franza, ir-reliġjonijiet u l-libertà tal-espressjoni.