Awdjo: “Jien kontra l-kaċċa iżda se nivvota favur” – Toni Abela

Id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista Toni Abela qal li minkejja li hu kontra l-kaċċa, anke dik fir-rebbiegħa, se jivvota favuriha għax “ma jridx li Malta tkun iktar Kattolika mill-Papa”.
Abela diversi drabi sostna li jixtieq li jista’ jkun kontra l-kaċċa, iżda mhux lest jaċċetta li “Malta tkun iktar Ewropea mill-Unjoni Ewropea.” Qal li din hi karatteristika tal-Maltin, li anke meta Malta kienet parti mill-kolonja Ingliża, “ridna nkunu iktar Ingliżi mill-Ingliżi.”
Toni Abela kien qed jitkellem waqt il-programm tar-radju Għandi Xi Ngħid immexxi mill-preżentatur Andrew Azzopardi, fejn qal li l-ambjent għalih hu sagrosant u meta ma qabilx mal-politika ta’ Ta’ Ħaġrat, hu mbotta lill-gvern biex ibiddilha.
Id-Deputat Mexxej, li kien wieħed minn dawk li approva l-programm elettorali tal-Partit Laburista, qal li l-proposta tal-PL kienet li jkun hemm ġimagħtejn għal kaċċa fir-rebbiegħa kkontrollata u ddixxiplinata. Żied jgħid li hu dejjem insista li mingħajr dixxiplina, l-istaġun jingħalaq, u hekk ġara.
Qal li “Dak li jdejjaqni hu li, minħabba d-daqs żgħir tagħna,se jsir referendum abrogattiv filwaqt li pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea se jibqgħu għaddejjin bil-kaċċa fir-rebbiegħa.” Insista li “Qed ngħid dan bi kburija u mhux għax jiddispjeċini għall-kaċċaturi.”