Awdjo: Jidħol jisraqhom fil-karozza waqt li mwaħħla fit-traffiku

Maltin li jinsabu għall-btala fi Sqallija sfaw misruqa waqt li kienu mwaħħla fi traffiku lbieraħ filgħaxija.
F’kummenti lil Newsbook.com.mt, Jacqueline Gili rrakuntat kif ilbieraħ filgħaxija kienu neżlin mill-Porte di Catania u waqt li kienu mwaħħla fit-traffiku semgħu ħoss fuq wara tal-karozza li krew.
Malli ħarset lura biex tara x’ġara, Jacqueline sabet żagħżugħ, nofsu fil-karozza qabel ħataf il-baskett li kellhom fuq is-seat ta’ wara u ħarab jiġri bih.
“Dak il-ħin ħsibt li se jidħol fil-karozza u jgħidilna nsuqu għal xi mkien u jisraqna b’kollox.”
Kif inqalgħu mit-traffiku, Jacqueline u l-familja baqgħu sejrin għand il-Carabinieri biex jagħmlu rapport.
Hija kkritikat il-mod kif dawn imxew magħhom.
"Ir-rapport kellu jibni ibni stess u kellu jagħmel dan għal darbtejn għax lanqas biss kellhom photocopier," spjegat Jacqueline.
Liż-żagħżugħ rawh sewwa u għalhekk setgħu jiddeskrivuh, iżda l-uffiċjali lanqas biss taw kas u kellu jniżżel id-dettalji kollha binha fuq biċċa karta.
Jacqueline qalet li ma tridx tagħmel isem ħażin lil Katanja iżda trid twissi lil dawk kollha li jsiefru biex joqgħodu attenti.
Qalet li mhux ħaġa kbira li jisirqulek xi ħaġa meta tkun fit-triq iżda saħqet li anke meta wieħed jikri karozza għandu joqgħod b'seba' għajnejn.