Awdjo: Jgħinu tifla marida permezz tal-loombands

Sabiex jgħinu tifla marida li għandha sentejn, tfal se jkun qed jagħmlu l-loombands, u jiġbru fondi permezz tagħhom. 

Il-Fondazzjoni Josette’s Helping Friends tgħin lil ħafna persuni li jkollhom mard jew problemi soċjali.
Newsbook.com.mt tkellem ma’ Josette Busuttil dwar l-aktar għajnuna riċenti li qed tagħti lil tifla ta’ sentejn li għandha l-marda tal-lukimja.
Josette qalet li se jagħmlu bazaar f’Birżebbuġa, fejn fost l-affarijiet li jkunu għall-bejgħ, se jkun hemm ukoll loombands.
Kompliet tgħid li dawn il-brazzuletti magħmulin mill-lasktu li bħalissa huma moda fost it-tfal, se jinbiegħu għal donazzjoni ta’ ewro.
Il-ħsieb wara l-loombands, fi kliem Josette, hu li dawn isiru mit-tfal għat-tfal, u l-iskop tagħhom hu li jqajmu kuxjenza dwar il-kanċer.
Ma’ Newsbook.com.mt, Josette spjegat li l-familja tat-tifla għaddejjin ukoll minn problemi, u li l-għajnuna li se tingħata permezz tal-loombands se “jkun qed jgħinu ftit billi jferrħu lil din it-tifla.”
Josette appellat mhux biss lit-tfal iżda wkoll lil kull min jixtieq jgħin biex jikkuntattjaha sabiex tagħtihom il-loombands biex jaħdmuhom. 
Sostniet li mhumiex ifittxu l-kwalità f’dan il-brazzuletti, iżda li jsiru b’imħabba.
Persuna tista’ tikkuntattja lil Josette billi tagħfas hawnhekk.