Awdjo: “Spiss kont noqgħod bil-ġuħ biex ngħin lil binti”

Waħda mill-ommijiet li lbieraħ marret tgħin fil-maratona li saret b’risq Puttinu Cares hi omm, li 30 sena ilu tilfet lil bintha bil-kanċer, u li minħabba li ma kienx hemm Puttinu, spiss kienet tibqa’ bil-ġuħ biex tgħin lil bintha.
Ma' Newsbook.com.mt, il-preżentati Peppi Azzopardi saħaq kif waqt il-maratona, kien hemm diversi voluntiera li tilfu lil uliedhom bil-kanċer meta kellhom biss ftit snin.
Peppi rrakkonta kif din il-mara bdiet tibki bil-ferħ u qalet li, li kieku t-tifla tagħha għadha ħajja, tkun qiegħda hawn tirrispondi t-telefonati. Din l-omm spjegat kif 30 sena ilu, ma kienx hemm Puttinu biex jgħin lit-tfal bil-kanċer, allura spiss kienet toqgħod bil-ġuħ biex tgħin lil bintha.
Peppi Azzopardi rrakkonta diversi każijiet personali oħra, fosthom ta’ mara li ftit żmien ilu tilfet lit-tifel tagħha meta kellu 42 sena, u għalhekk ċemplet biex tagħti donazzjoni ta’ €300 biex isem binha jitpoġġa fuq flat.
Spjega kif, dawn il-ġenituri jgħidu li, tant hi esperjenza ta’ niket li ġenitur ikollu jidfen lil ibnu jew lil bintu, minflok bil-kontra, li ma jkunux iridu li ġenituri oħra jgħaddu mill-istess esperjenza tal-biża’ li għaddew minnha huma.