Awdjo: Jgħajruh “bla ħajja” għax jistudja u jħobb l-iskola

Mark* għandu seba’ mitt sena sakemm jibda s-sena skolastika li jmiss.  Bi ħsiebu jistudja kemm jiflaħ biex f’Mejju jmur tajjeb fl-eżamijiet tal-“O Levels” għax fi kliemu “dawn huma eżamijiet importanti li jimmarkaw il-futur tiegħi”.

Jekk se jmur tajjeb fl-eżamijiet, Mark diġà jaf li sħabu “l-perċimes tal-iskola” se jaqbdu miegħu u jgħajruh.

Mark ilu għal dawn l-aħħar tmien snin iġorr miegħu l-problema tal-ibbuljar.  Jirrakkonta li bdiet mit-Tielet Sena tal-primarja meta kienu jgħajjruh “wiċċ ta’ xadina”. Meta beda jattendi l-iskola Sekondarja l-problema kompliet tikber.

“Fl-ewwel xahar tal-Form 1 meta kont inkun magħhom, għalihom jien kont ok, imma l-problemi bdew meta bdejt ninqata’ minn magħhom għax indunajt min huma fil-verità”.

Mark jgħid li “sħabu” tal-klassi jgħajjruh għal kull ħaġa ta’ xejn: għax kien membru fil-Kunsill tal-Iskola, għax kien il-prefect tal-klassi u anke għax ikollu rwol ewlieni fir-reċta tal-iskola.

“Fil-Prize Day ġejt ibbulljat għax jien qasir, bdew jgħajjruni minn wara li ma tantx bdejt nidher fuq il-palk”.

Minkejja li sab ħafna għajnuna mill-ammnistrazzjoni tal-iskola, mill-edukaturi u mingħand il-familja, Mark jgħid li l-problema tal-ibbuljar hi mifruxa sew fil-klassi tiegħu, tant li hemm żewġt iħbieb oħra tiegħu li jiġu bbulljati.

Mark kompla jirrakkonta li minħabba li jmorru tajjeb fl-eżamijiet u għandhom talenti, jirreferu għalihom bħala “tfal bla ħajja”.

Mark għadu sal-lum il-ġurnata jżomm ġo fih.  Mal-għalliema ma tantx iħobb jitkellem għax imbagħad isiru jafu l-ġenituri tiegħu u hu ma jridx “li l-ġenituri jkunu jafu b’dak li għaddej minnu”.

Issa li baqagħlu l-aħħar sena skolastika, bi tbissima, Mark qal li minn Settembru se jibda jmur l-iskola kuntent għax mhux se jħalli lil ħadd ikompli jkissru.

Lil dawk it-tfal kollha li għaddejjin minn xi forma ta’ bbulljar appellalhom biex jiftħu qalbhom ma’ xi ħadd li jafdaw għax “jekk iżommu kollox ġo fihom se jitkissru mentalment”.

 

*L-isem tat-tifel hu fittizju