Awdjo: Jekk tikteb bix-xellug illum il-jum tiegħek

Kelly Sikkema, Unsplash

 

Illum, 13 ta’ Awwissu huwa l-Jum Dinji għax-Xellugin… jekk inti tikteb bix-xellug, illum il-jum iddedikat għalik. Hija wkoll il-ġurnata ddedikata għall-Filet Mignon u l-Prosecco!

Illum fl-istorja ta’ Malta

Minħabba li Malta taħt l-Ingliżi kienet fi stat ta’ gwerra mal-Italja, bħal-lum fl-1940, l-ismijiet Taljani tat-toroq kollha fil-Belt Valletta u l-bliet ta’ madwar kollha, kienu uffiċjalment maqluba għal-lingwa Ingliża. B’hekk Strada Reale saret Kingsway.

Sentejn wara, fl-agħar sena ta’ tbatija għal Malta, fit-Tieni Gwerra Dinjija, bħal-lum, bdew jaslu fil-Port il-Kbir il-vapuri mgħobbija bl-ikel u munizzjon tal-konvoj Operation Pedestal. Kien ilu ma jidħol konvoj ta’ vapuri bħal dan minn Marzu, u s-sitwazzjoni f’Malta kienet imwiegħra ħafna. Imma dan il-konvoj taffa s-sitwazzjoni xi ftit u bil-mod l-affarijiet bdew jaqilbu għall-aħjar.

Illum fl-istorja tad-dinja

Bħal-lum fl-1961, fl-eqqel tal-gwerra bierda, il-Ġermanja tal-Lvant tagħlaq il-fruntiera tagħha mal-Ġermanja tal-Punent u tibda l-kostruzzjoni ta’ ħajt, li jsir magħruf bħala l-Ħajt ta’ Berlin, simbolu ta’ separazzjoni bejn id-dinja tal-Punent u dik Komunista tal-Lvant, sakemm dan beda jitwaqqa’ fl-1989.

Illum fil-qasam sportiv

Fl-2016, l-għawwiem Amerikan Michael Phelps temm il-karriera tiegħu fl-Olimpjadi ta’ Rio.

Illum fl-istorja tal-mużika

Fl-1991, kien ta kunċert fil-grawnd tal-Marsa, il-kantant Joe Cocker.

Min twieled bħal-lum?

Fl-1899 kien twieled id-direttur tal-films Alfred Hitchcock, li miet fl-1980. Huwa jibqa’ magħruf għal Psycho, Vertigo u The Birds.

Produzzjoni u vuċi: Colin Fitz