Awdjo: “Jekk hemm sinjali għall-qniefed għandu jkun hemm sinjali għaċ-ċiklisti”

Iċ-ċiklisti jixtiequ li jkun hemm iktar sinjali fit-toroq biex javżaw lis-sewwieqa li jkun hemm nies jaqdfu bir-roti.
James Wrightman, il-kelliem tal-għaqda taċ-ċiklisti f’Malta, spjega ma’ Newsbook.com.mt li ċ-ċiklisti mhumiex dejjem protetti, u fl-istess waqt irid ikun hemm edukazzjoni għaċ-ċiklisti fit-toroq.
Saħaq li bħalma hemm sinjali li juru li hemm il-qniefed, bl-istess mod għandu jkun hemm sinjali li hemm iċ-ċiklisti. 
Qal li n-numru ta’ ċiklisti fit-triq dejjem qed jiżdied u l-fatt li sewwieqa mhumiex imdorrija jaraw ir-roti fit-triq ifisser li ma jafux x’għandhom jagħmlu meta jkun hemm rota quddiemhom. 
Waqt laqgħa li saret f’Tas-Sliema, issemma l-fatt li hemm sinjali mal-promenade li jwissu liċ-ċiklisti biex ma jsuqux ir-roti minħabba li jkun hemm in-nies mexjin.
Għalhekk tressqet proposta quddiem is-sindku li jkun hemm iktar sinjali li jwissu lis-sewwieqa li hemm nies jaqdfu bir-rota fil-viċin.
Dwar bicycle lanes Wrightman qal li fejn hu possibbli, dawn għandhom isiru, u li hemm toroq li jistgħu jżidu dawn il-lanes.
Żied jgħid li l-lanes li hemm bħalissa mhumiex kollha tajbin għaċ-ċiklisti u li ftit minnhom huma ta’ periklu. 
Spjega li sar esperiment miċ-ċiklisti biex isibu rotta mit-tramuntana għan-nofsinhar u mill-punent għal-lvant ta’ post ta’ fejn joqogħdu, tlieta biss wieġbu li rotot li hemm huma perikolużi u li ma jistgħux jinstaqu fuq rota. Qal li bħalma ħa jsir xi ħaġa f’Tas-Sliema, l-istess għandu jsir f’postijiet oħra f’Malta.