Awdjo: Jekk bil-paga minima, il-kera m’għandhiex taqbeż il-€245

Fid-dawl tad-diskussjoni li għaddejja bħalissa fuq ir-rati tal-kirjiet, id-Direttur ta’ Caritas Malta, Leonid McKay, insista li l-prezz tal-kera m’għandux ikun ogħla minn terz tad-dħul ta’ familja, jekk irid ikun assigurat għajxien diċenti.
Dan ifisser, li jekk familja tgħix fuq il-paga minima nazzjonali (€735.63 fix-xahar), il-prezz tal-kera ma għandux jissupera l-€245 fix-xahar.
Minkejja dan, ma’ Newsbook.com.mt, McKay semma każijiet fejn familja ntalbet tħallas id-doppju għall-kera mil-lum għal għada, u persuni li spiċċaw jikru garaxxijiet bi €300 fix-xahar għax ma jaffordjawx jikru propjetà. Minn informazzjoni li għandu Newsbook.com.mt, hemm każi fejn il-garaxxijiet ma jkollhomx ventilazzjoni.
“Is-suq tal-kera mingħajr intervent tal-Gvern huwa perikoluż”
Id-Direttur ta’ Caritas insista li l-prinċipju bażiku li għandha titlaq minnu d-diskussjoni fuq il-prezz tal-kera, huwa li kull persuna, irrispettivament min hu jew min hi, għandu jkollha aċċess għall-akkomodazzjoni, mhux biss diċenti imma anke li jkollha l-mezzi finanzjarji għaliha.
Kien hawn li McKay appella lill-Gvern biex jintervjeni, għax fi kliemu, is-suq mingħajr l-intervent tal-Gvern huwa perikoluż.
“Meta nħallu s-suq isuq waħdu, inkunu qed nipperikolaw il-kwalità tal-ħajja tal-familji,” saħaq Leonid McKay.
“Familji jiċċaqilqu l-ħin kollu minn post għall-ieħor”
Leonid McKay insista li meta jiskadi l-kuntratt u jiġi mġedded, il-prezz tal-kera m’għandux jogħla aktar minn 15% tal-prezz preċedenti.
Kien hawn li tkellem dwar familji li l-kera tagħhom għoliet, anke bid-doppju, mil-lum għal għada, u minħabba f’hekk qed jispiċċaw jiċċaqilqu l-ħin kollu minn residenza għall-oħra jew saħansitra jikru appartament li jkun maqsum ma’ persuni oħra.
Id-Direttur qal li għandu jkun hemm ukoll penali għal dawk li jikru mingħajr kuntratt.